Lokali Qorti

Mhux ħati ma’ reati konnessjoni mat-traffiku

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ma sabitx ħati lil Dennis Attard ta’ 49 sena residenti Santa Venera li kien akkużat b’ħames reati relatati ma’ kollizzjoni fit-traffiku li seħħet fit-23 ta’ Settembru 2024 f’San Pawl il-Baħar.

L-akkużi kienu jinkludu sewqan b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni li kkawża ħsarat fuq vettura oħra, sewqan mingħajr liċenzja, mingħajr liċenzja tal-vettura, mingħajr liċenzja ta’ użu tat-triq, u mingħajr polza ta’ sigurtà kontra r-riskji tat-tielet persuni.

Ix-xhieda ewlieni, Marland Herman Jones, irrakkonta li kien qed isuq mutur u li Attard kien ħareġ minn spazju fejn kien ipparkjat mingħajr sinjalizzazzjoni, u għalhekk seħħet il-kollizzjoni. Madankollu, meta ġie mitlub jidentifika lill-imputat fil-Qorti, ix-xhud ma setax jagħmel dan.

Barra minn hekk, ix-xhud qal li kien identifika lil Attard fil-Għassa tal-Pulizija, iżda dan il-fatt ma rriżultax mill-affidavit tal-pulizija. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni ma setgħetx titqies soda. Il-Qorti osservat ukoll li fil-jum tal-inċident ma ngħatax id-dritt tas-silenzju lill-imputat, kif meħtieġ mil-liġi, u dan wassal biex jiġi ikkonstatat ksur ta’ proċedura fundamentali.

Barra minn hekk, il-provi tal-ħsarat kienu limitati għal ‘quotation’ u mhux akkumpanjati minn ritratti jew dokumentazzjoni oħra indipendenti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti qieset li l-provi prodotti ma kinux biżżejjed biex jikkonvinċu lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-imputat wettaq ir-reati li ġew imputati kontrih.

Għaldaqstant, billi l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-elementi kollha tar-reati, il-Qorti ddeċidiet li ma ssibx lil Dennis Attard ħati u għalhekk liberatu minn kull ħtija u piena. Din id-deċiżjoni turi kif il-Qorti tqis b’serjetà l-elementi essenzjali ta’ prova fil-proċess kriminali, partikolarment l-identifikazzjoni tal-imputat u l-osservanza tad-drittijiet proċedurali bħad-dritt tas-silenzju. Meta dawn jiġu mminati jew jitħallew f’dubju, il-Qorti mhix se tagħti pronunzja ta’ ħtija.