Lokali Qorti

Mixli li hedded lis-sieħba tiegħu bi qtil fuq kwistjoni ta’ flus

Raġel ta’ 32 sena mir-Repubblika Dominikana, li jgħix il-Mellieħa u li qal fil-Qorti li kien “house-husband”, tressaq mixli li hedded lill-partner tiegħu u li weġġagħha f’aktar minn okkażjoni waħda. Il-każ seħħ fit-4 ta’ Ottubru 2025 meta, skont ix-xhieda tal-mara, il-koppja kellhom argument dwar il-flus.

Il-mara, li taħdem u hija l-unika li għandha dħul fil-familja, qalet lill-akkużat li jekk ried il-flus kellu jfittex xogħol. Huwa, min-naħa tiegħu, allegatament qalilha li l-affarijiet mhux se jkunu sbieħ għaliha u heddidha li joqtolha.

Il-mara rrappurtat ukoll li kien hemm tliet episodji separati fejn kienet suġġetta għal vjolenza min-naħa tiegħu u ppreżentat filmati bil-video lill-Pulizija. L-akkużat ġie arrestat filgħaxija tal-istess jum u tressaq akkużat li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fuq il-partner tiegħu, kif ukoll bi theddid, insulti u ħebb.

Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi. F’din il-fażi ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk ġie miżmum taħt arrest preventiv. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Sherona Buhagiar, filwaqt li l-avukati José Herrera u Naomi Spiteri qed jidhru għall-imputat.