Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mexxa delegazzzjoni tal-PN għal laqgħa ma’ membri tal-Malta ESG Alliance.
L-MESGA hija pjattaforma għal negozji Maltin biex jaħdmu flimkien biex jaslu għall-miri tal-ESG biex intrapriżi, negozji u anke s-settur pubbliku f’pajjiżna jżommu ma’ miri għolja għall-ħarsien tal-ambjent, tal-kwalità tal-ħajja tan-nies, u ta’ tmexxija u governanza etika u onesta.
Għadd ta’ membri tal-MESGA u li jirrappreżentaw oqsma differenti, inkluż is-settur bankarju, dak tal-loġistika, dak tat-turiżmu, u oħrajn, għamlu interventi dwar kif l-oqsma tagħhom jistgħu jikkontribbwixxu għal standards ogħla fil-pajjiż.
Alex Borg qal li fl-2022 l-ESG kien fil-manifest elettorali tal-PN – manifest li kien qed iħares ’il quddiem – u llum, bl-appoġġ b’saħħtu tal-MESGA u ta’ kumpaniji u intrapriżi li jixtiequ jaraw pajjiż aħjar u aktar effiċjenti, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jfasssal politika għall-futur.
Huwa u jindirizza lil dawk preżenti għal din il-laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg qal li jrid li l-viżjoni li ppreżentaw dawk li pparteċipaw fil-laqgħa tkun rappreżentata fil-viżjoni tal-PN, biex ilkoll flimkien inkunu preparati għall-futur.
Fost l-oħrajn tkellem dwar l-importanza li s-sostenibbiltà tkun fuq l-agenda nazzjonali. Hu qal li politika ta’ sostenibbiltà tiżgura li nkunu qed inħarsu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Alex Borg tkellem dwar il-politika li jrid jimplimenta l-PN, fosthom it-twaqqif ta’ Logistics Hub għal kumpaniji, għal aktar effiċjenza fit-trasport u inqas traffiku u emissjonijiet. Semma l-ħtieġa ta’ sistema ta’ trasport tal-massa li tkun maqbula bejn il-partiti bħala proġett li jitkompla minn amministrazzjoni għall-oħra.
Il-Partit Nazzjonalista għadu jemmen fil-ħtieġa li ntejbu l-infrastruttura ta’ pajjiżna jekk verament irridu nuru li rridu mmorru għal turiżmu ta’ kwalità.
Hemm bżonn ippjanar fit-tul, u dak li għamlet l-Malta ESG Alliance, li rnexxielha tgħaqqad flimkien daqstant membri ffukati fuq ideoloġija favur l-ambjent u n-negozji, iwitti t-triq għal viżoni li fuqha nistgħu nippjanaw.
Il-kunċett tal-ESG hu wieħed li għandu l-għan li jgħolli l-livell f’kull qasam fejn jiġi implimentat. Hu għalhekk li s-settur pubbliku u entitajiet tal-Gvern għandhom ikunu fuq quddiem biex jaddottawh u jmexxu bl-eżempju.
Il-kelliema tal-MESGA spjegaw kif fi ħdanhom għandhom kunsill tal-istudenti – kunsill konsultattiv magħmul minn 11-il żagħżugħ. Dawn iż-żgħażagħ iżommu lill-membri tal-alleanza kontabbli u jesiġu tweġibiet u soluzzjonijiet.
David Xuereb, ic-Chairperson tal-Alleanza, qal li l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista huwa kruċjali biex aktar negozji u intrapriżji jibdew jimmiraw għal standards ogħla fl-ESG. Huwa qal li minkejja x-xogħol li għamlet l-MESGA, l-appoġġ tal-politiċi hu importanti ħafna.
Fost it-tħassib tal-membri tal-Alleanza kien hemm dak dwar in-nuqqas ta’ ċertezza fuq regolamentazzjoni dwar l-ambjent. Huma qalu wkoll li huwa importanti li r-rekwiżiti tal-ESG jkunu mniżżla fil-proċess tal-Public Procurement.
Iż-żewġ naħat qablu li jeħtieġ aktar laqgħat bħal dawn biex tkun diskussa aktar fit-tul il-viżjoni għal pajjiż aktar modern, u aktar importanti x’tip ta’ politika trid tiġi implimentata biex din il-viżjoni ssir realtà.
Ipparteċipaw ukoll f’din il-laqgħa il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-CEO tal-PN Sabine Agius Cabourdin, kif ukoll ix-Shadow Ministers Adrian Delia, Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo, Rebekah Borg, Stanley Zammit, Toni Bezzina u Ryan Callus.
Id-delegazzjoni tal-MESGA kienet immexxija miċ-Chairman David Xuereb.
//= $special ?>