Opinjoni

OPINJONI: Biex l-isfidi jonqsu mhux jikbru

Fil-qalba nett tal-viżjoni “’il quddiem b’dinjità” hemm il-prinċipju tas-solidarjetà bejn min hu b’saħħtu u min hu inqas b’saħħtu, bejn min għandu l-ġid u bejn min jinsab f’xifer il-faqar, bejn l-ixxurtjat u dak żvantaġġjat

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali
u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra
l-Faqar u s-Solitudni

Dan hu l-qofol ta’ ħolma li ħlomt sentejn ilu. Lil niltaqa’ ma’ min hu mġarrab, u wara nibqa’ sejjer bl-istorja għand persuna professjonali u tal-fiduċja, fejn miegħu jew magħha bnejna t-triq ’il quddiem.
Fost oħrajn iltqajna ma’ studenti kapaċi fl-istudji, imma biex jgħinu lill-familja (u ma jibqgħux ta’ piż), għażlu li jmorru fid-dinja tax-xogħol u allura ma jkomplux bl-istudji.
Iltqajna wkoll ma’ żagħżagħ fl-isbaħ żmien ta’ ħajjithom, li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom. Madanakollu mimlijin stress u ansjetà għax iridu jibqgħu jaħdmu minn tlugħ ix-xemx sa nżulha biex ilaħħqu mal-impenn li jitlob minnhom.

Bnedmin taħt it-tbatija
L-isfida tas-saħħa mentali spikkat tul din il-mixja. Iltqajna ma’ bnedmin li biex jitkellmu u xi ħadd jismagħhom iridu jħallsu €65 kull siegħa. U jekk ma tiflaħx tħallas, trid tistenna sakemm imissek fuq lista ta’ stennija ma tispiċċa qatt.
U hawnhekk bla ma trid taħseb ukoll fil-case load tal-ħaddiema soċjali li fuqhom iridu jduru dawn il-bnedmin bi sfidi ta’ saħħa mentali.
Smajna b’attenzjoni stejjer kontinwi li nikktuna, u dan ma jfissirx li dawn l-istejjer għaddejjin minn fuq persuni vulnerabbli u/jew bi sfidi soċjali biss.
Fil-kuntest tal-kwadru sħiħ rajna bnedmin sensittivi jissieltu f’ambjent tossiku, fejn fih tinħass l-għira, l-abbużi, it-tgħajjir fuq is-social media… wisq solitudni.
Rajna li sirna nieħdu wisq lil xulxin for granted, li r-rispett naqas, li bosta qed jiġġieldu biex ikampaw mal-ħajja. Li kieku nkunu aktar sensittivi lejn dawk il-bnedmin siekta, lejn dawk il-bnedmin li qegħdin jiġġieldu ġlieda kontinwa li ma tidhirx, inkunu nistgħu ngħidu bi ftaħir li Malta hi solidali… iżda mhux il-każ.
U biex inkun ċar, ma naħsibx li din hi sfida ta’ pajjiżna biss. Bħalissa jiġuni f’moħħi tant bnedmin li għaddew minn episodji iebsa weħidhom u ddeċidew li jaqtgħu one way ticket.
Meta nisimgħu b’aħbarhom, flok nirrifflettu u nisktu, flok nistaqsu xi stajt għamilt aħjar fis-soċjetà u l-komunità, flok naraw x’wassalhom sa hemm, immorru fuq is-social media u nagħmlu l-eloġji u nesploraw l-istorja, bħallikieku qegħdin insegwu xi soap opera.
Hemm min jagħmel dan għal-likes. U kulħadd ifajjar bl-addoċċ; kulħadd ifajjar kliem fejn jarah kulħadd. Ninsew lill-ġenituri li huma mkissrin. Ninsew lill-partners u lill-ħbieb tal-qalb. Ninsew ukoll lil dawk li huma stess għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa mentali.

Naħsbu f’xulxin
Illum donnu ħadd m’għandu spazju u ħin għal ħadd. Kemm hu sew li naħsbu f’xulxin tul is-sena kollha. Kuljum u mhux f’xi festi partikolari biss.
Kemm hu sew li nsellmu lil xulxin b’sempliċiment bonġu, u nistaqsu kif inhuma, kemm hu sew li naħsbu f’xulxin b’sempliċiment messaġġ jew telefonata.
Kemm hu sew li meta fit-triq tara lil xi ħadd li taf, tgħidlu biex jikkuntattjak jekk ikollok bżonn xi ħaġa.
Il-Malta solidali donnha sparixxiet. Sempliċiment tbissima, kelma, tislima tista ssalva persuna. Illum, aktar minn qatt qabel, għandna sejħa biex nibżgħu għal ħajjitna u għal ħajjet il-bnedmin ta’ madwarna.
Biex nagħmlu l-ġid u nħallu l-eżempji tagħna fis-skiet. Maż-żmien l-eżempju tagħna jidher u jinħass bħax-xemgħa tnemnem li tibda tixgħel f’ kulħadd. Dan hu l-għan aħħari tal-proġett tagħna.
Iltqajna wkoll ma’ bnedmin maħkuma minn uġigħ; morda kemm fiżikament jew mentalment u jridu jistennew ix-xhur u anki s-snin biex xi ħadd ikellimhom.
Kważi kważi biex tinqeda fl-immedjat, irrid ikollok tmur privat. U l-bniedem bi dħul baxx, jew dħul ta’ xejn, jista jagħmlu dan? Donnu biex tibqa’ ħaj irid ikollok il-flus jew inkella l-easy way out… kemm tingħata injection u tmur taħt l-art. Dan hu l-valur tal-ħajja?
Iltqajna wkoll ma’ ġenituri mhedda f’darhom u huma mwerwrin biex jagħtu l-flus lil xi ħadd minn uliedhom minħabba vizzju. Minħabba sitwazzjonijiet u biżgħat jibqa’ kollox bejn erba’ ħitan, wisq aktar jekk il-ġenituri stess huma vulnerabbli.
L-antoloġija ddur ukoll fuq persuni b’diżabbiltà li qed ifittxu li ssir ġustizzja magħhom, imma kważi kważi jekk jitkellmu, isibu x-xfafar tal-moħriet lesti għalihom.
Donnu tlifna s-sens ta’ ħniena; tlifna s-sens ta’ komunjoni; tlifna s-sens ta’ familja. Illum bosta jmutu weħidhom. Anki jekk ġar tiegħek, tisma’ li miet xahrejn wara.

It-tfal jikbru malajr
Sakemm ma żżurx iċ-ċimiterju u tara ritratt tiegħu jew tagħha fuq qabar kiesaħ! Illum naraw tfal weħidhom, b’iljieli fiċ-child care centres, mhux għax il-ġenituri abbandunawhom, imma biex ilaħħqu mal-impenji jispiċċaw lanqas jindunaw bit-trobbija ta’ wliedhom. Maż-żmien l-istess ġenituri jirrealizzaw li wliedhom kibru f’daqqa. X’sens fiha din it-tip ta’ ħajja?
Dan il-proġett hu stqarrija ta’ impenn biex jinħoloq il-ġid f’pajjiżna, u l-ġid jinfirex fost dawk l-aktar li jeħtieġu l-għajnuna. Dan hu proġett li jindirizza bl-aħjar mod l-isfidi soċjali li għandna, u fl-istess ħin nilħqu l-aspettativi taċ-ċittadin, hu min hu.
Dan il-proġett huwa ffukat, għamilna mixja, fejn l-aspirazzjonijiet tagħna jilħqu l-qofol meta jirnexxielna, nagħmlu l-politika kelma. Li kieku kellna niġbru f’sentenza waħda, l-għaliex għamilna din il-mixja, l-għaliex ħassejna l-ħtieġa ta’ dan l-istudju, l-għaliex dan l-impenn, ngħid “biex l-isfidi jonqsu mhux jikbru”.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ Otttubru, 2025.