Stefan Milosevic, Serb ta’ 34 sena residenti l-Gżira ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li kkawża ġrieħi gravi wara li tefa’ ‘ashtray’ u laqat raġel f’rasu f’ħanut tax-xorb fil-Belt Valletta. Il-fatti seħħew nhar il-Ġimgħa filgħaxija fil-Kennedy’s Bar meta l-imputat, li kien fis-sakra, resaq lejn mejda fejn kienu bilqiegħda madwar ħames irġiel.
Skont ix-xhieda, hu pprova jkun “ħabib” magħhom iżda meta beda jdejjaqhom, dawn bdew jinjorawh. F’dak il-mument Milosevic, qabad ‘ashtray’ u tefgħu lejn wieħed mill-iġiel, u laqtu bis-saħħa f’moħħu. Il-vittma weġġa’ sew u kellu bżonn il-punti.
Milosevic ipprova jaħrab minn fuq il-post iżda ġie miżmum minn dawk preżenti sakemm waslu l-Pulizija. L-inċident kien ukoll inqabad fuq CCTV. Waqt l-interrogazzjoni, l-imputat qal li kien qed jipprova jkun soċjali u meta n-nies bdew jinjorawh, u li ħassu mhedded minħabba li kien waħdu u kien f’minoranza.
Qal li kien f’paniku u għalhekk tefa’ l-‘ashtray’. Hu ammetta li l-imġiba tiegħu kienet barra min-normal u skuża ruħu għall-aggressjoni. Il-Maġistgrat Joseph Gatt ikkundanna lil ħati 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn.
L-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxa l-prosekuzzjoni assistit mill-Ispettur Jeffrey Rizzo. L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Stefan Milosevic.
//= $special ?>