Sport

Titħabbar il-mewt ta’ Jon Miles, eks kowċ nazzjonali

Luttu fil-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu


Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu b’sobgħa kbira tħabbar li tinsab f’luttu wara li
nhar il-Ġimgħa tħabbret il-mewt ta’ eks kowċ nazzjonali tagħha Jon Miles fl-età ta’ 87 sena
wara marda terminali qasira. Jon kif jafuh bosta, kien bniedem li kkoppera ħafna u għin
fl-iżvilupp għaċ-ċikliżmu lokali, b’mod partikolari s-settur feminili.
Jon Miles ħadem mill-qrib ħafna mal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, kif ukoll mal-Kumitat Organizzattiv tat-Tour ta’ Malta għal ħafna snin favur l-iżvilupp ta’ dan l-isport
f’Malta. Kien huwa li stabbilixxiet relazzjonijiet b’saħħithom mal-Federazzjoni, bil-klabb
taċ-ċikliżmu femminili tiegħu, dak ta’ VC Bedford, fejn kemm-il darba ġab timijiet Britanniċi
biex jipparteċipaw fit-Tour ta’ Malta.
Miles għamel ukoll perjodu bħala l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti fejn kien mexxa lit-tim
nazzjonali waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2001 f’San Marino. Huwa baqa’ sal-aħħar
jinteressa ruħu f’dak li huwa għaddej fil-qasam taċ-ċikliżmu lokali.

Miles kemm-il darba kien stieden ċiklisti Maltin, kemm nisa kif ukoll irġiel biex jikkompetu f’tiġrijiiet fl-Ingilterra.
F’isem il-membri kollha li jifformaw parti minn din il-komunita’ ċiklistika Maltija, huma jroddu ħajr lil Jon Miles ta’ kemm inspira nies b’din l-imħabba ċiklistika li kellu.

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu jibagħtu l-kondoljanzi sinċiera lill-familja ta’ Jon Miles.