Lokali Qorti

Tranżazzjoni illegali fil-każ ta’ frodi tal-MCAST

Kien hemm numru ta’ tranżazzjonijiet illegali kull xahar u li dan seħħ bejn Settembru 2023 u Lulju 2025. Dan ħareġ fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, meta komplew jinstemgħu l-proċeduri kriminali kontra l-eks maniġer tal-finanzi ta’ MCAST Francine Farrugia, li qed tiġi akkużata li serqet u approprjat il-fondi ta’ istituzzjoni pubblika għal total ta’ aktar minn €2.3 miljun fuq perjodu ta’ sentejn.

Hija qed tiffaċċja akkużi ta’ approprjazzjoni indebita, frodi u ħasil ta’ flus, fejn qed twieġeb mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. Ix-xhieda ewlenija tal-aħħar seduta kienet tal-fundatur u CEO ta’ Dakar Software Systems, David Schranz, li kkonferma li l-kumpanija tiegħu wettqet awditjar tekniku fuq is-sistema tal-pagi ta’ MCAST wara li rċievet IBANs li kienu allegatament użati minn Farrugia.

Schranz spjega li hemm differenza bejn il-“:payroll analysis” report u “technical audit”: tal-ewwel jagħti biss ‘snapshot’ tal-aħħar tranżazzjonijiet kif ġew irreġistrati fil-ħin, filwaqt li t-tieni juri il-‘footprint’ sħiħ tal-bidliet fis-sistema, inkluż dawk li jkunu tneħħew jew mibdula aktar tard.

Ir-riżultati tal-awditjaw indikaw li bejn Settembru 2023 u Lulju 2025 kien hemm tranżazzjonijiet “illegali” prattikament kull xahar (ħlief f’Frar u Ġunju 2025). Pereżempju, f’Settembru 2023 ġew miżjuda impjegati fittizji fil-pagi, assenjati IBANs li ġew marbuta ma’ Farrugia, u ntbagħtu pagamenti.

Malli nħareġ il-file tal-bank, l-impjegati u l-IBANs tneħħew. Għalhekk, meta l-‘payroll analysis report’ inħareġ aktar tard, dawn il-ħlasijiet ma rriżultaw imkien. Dan ifisser li għal kull rapport normali li jasal għand id-dipartiment tal-kontabilità, il-pagi dehru “f’ordni”, meta fil-fatt kienu diġà seħħew pagamenti frawdolenti.

Schranz spjega li l-istess modus operandi rrepetiet ruħha f’xhur oħra bħall-April 2024, fejn kienu miżjuda IBANs oħra u mbagħad kollox “reverted back to normal”. Il-prosekuzzjoni staqsiet x’ifisser b’dan, u x-xhud wieġeb li għas-sistema qisu ma kien seħħ xejn ħażin, għax l-aġġustamenti kienu ġew eliminati wara l-ħruġ tal-bank file.

Metodi oħra li ġew identifikati fl-awditu kienu jinkludu wkoll ħlasijiet għal impjegati li kienu diġà tterminaw iżda ġew “irrestawrati” fis-sistema b’IBANs attribwiti lil Farrugia. Minkejja d-diversità ta’ tekniki użati, ir-riżultat kien dejjem l-istess: il-fondi kienu qed jiġu devjati lejn kontijiet tagħha.

Il-każ kompla b’mistoqsijiet mill-prosekuzzjoni u l-parte civile dwar kif il-manipulazzjonijiet setgħu jibqgħu mhux dettaljati fir-rapporti standard tal-pagi, u għalhekk setgħu jdumu mhux skoperti. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Michael Muscat u Alessia Schembri assistiti mill-Ispettur tal-Pulizija Wayne Rodney Borg.

L-avukati Peter Fenech u Amy Zahra qed jiddefendu lill-imputata, filwaqt li l-avukati Stefano Filletti u Thea Lynn Cesare qed jidhru għal MCAST. L-Avukat Filletti qed jidher ukoll għall-Ministeru tal-Edukazzjoni bħala parte civile. Il-proċess għadu jkompli fit-22 ta’ Ottubru fl-10am.