6 ta’ Ottubru. Proprju xahar wara li t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista vvotaw sabiex Alex Borg jilħaq bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni. B’politika ta’ għaqda, pożittivita u mentalità li dejjem tpoġġi fiċ-ċentru liż-żgħażagħ, il-familji u l-benesseri tagħhom.
Xahar li matulu Alex Borg reġa’ nissel sens ta’ entużjażmu, ħeġġa u ħidma fi ħdan mhux biss il-Partit Nazzjonalista iżda wkoll fost dawk l-eluf li kienu qed jaqtgħu qalbhom mill-politiċi.
Dan jirrifletti proprju mill-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika ppubblikat mill-gazzetta MaltaToday fejn wera t-titjib li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fejn qed jiġbed aktar nies lejh – xhieda wkoll tal-fatt li qed jiżdiedu sostanzjalment in-numru ta’ tesserati ġodda.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat ippropona proposti li jpoġġu liċ-ċittadini fiċ-ċentru, b’soluzzjonijiet tanġibbli għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom ta’ kuljum – kemm f’dak li għandu x’jaqsam saħħa, trasport, edukazzjoni, housing u ambjent.
Politika li mhux biss tħares lejn l-immedjat, iżda viżjoni fit-tul għal ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Matul dan ix-xahar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista indirizza l-ewwel mass meeting tiegħu proprju lejlet il-Festa Nazzjonali ta’ Malta Indipendenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħatar ukoll numru ta’ persuni sabiex ikollu politika iffokata fuq il-Gżejjer Maltin parikolarament fil-gżira Għawdxija grazzi għal Gozo Policy team, kif ukoll saħħaħ it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li fassal ukoll ix-Shadow Cabinet tiegħu li jirrifletti Gvern Alternattiv, wassal il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista anke fil-Parlament fejn imbotta ‘l fuq l-ambjent ta’ pajjiżna u poġġih fil-quċċata tal-aġenda tal-pajjiż. Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx li l-ambjent isir dritt kostituzzjonali – jwarrab l-interessi taċ-ċittadin biex jipproteġi lil dawk tal-qalba – xorta waħda grazzi għal ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-bqija tat-tim tiegħu l-kuxjenza ambjentali issa hija verament prijorità.
F’temp ta’ xahar, Alex Borg irnexxielu jqarreb il-poplu lejn il-Partit Nazzjonalista mhux b’ħidma minn wara l-iskrivanija, iżda grazzi għal politika man-nies u għan-nies – bil-preżenza kostanti tiegħu qalb iż-żgħażagħ, il-familji, il-ħaddiema u l-anzjani.
Minkejja l-ostakli kollha li qed ipoġġilu quddiemu l-Partit Laburista, minkejja l-politika negattiva u ta’ biża’ li qed jimbotta Robert Abela – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qed ikompli jwettaq dak li jwiegħed grazzi għal politika ta’ għaqda, ta’ pożittività, politika li verament tisma’ u tattwa dak li jrid il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>