Lokali Qorti

16-il xahar ħabs wara li ta daqqa ta’ kikkra lil sieħbu fost reati oħra

Wayne Delia ta’ 39 sena minn Raħal Ġdid, ġie kundannat 16-il xahar ħabs wara li nstab ħati ta’ diversi reati fosthom li fid-9 ta’ Mejju 2020, waqt argument mal-vittma Omar Joseph Trabelsi fil-Komunità ta’ Santa Marija, f’Ħal Farruġ, ikkawżalu ġrieħi ta’ natura gravi billi tah daqqa ta’ kikkra f’wiċċu.

Huwa nstab ħati ta’ feriti gravi iżda wara sena u nofs il-marka ma baqgħetx waħda viżibbli. Huwa nstab ħati wkoll li seraq. It-testimonjanzi tal-vittma u tar-residenti tal-komunità kkonfermaw li kien hemm skambju ta’ kliem u provokazzjonijiet, iżda mbagħad l-imputat, waqt li kellu kikkra f’idu, qam u tah daqqa li kkawżat ferita f’wiċċu.

Trabelsi kellu bżonn il-punti u laċrazzjoni minnhom kienet ta’ żewġ ċentimetri. Il-kap tal-komunità, Brian Camilleri, ikkonferma li sab lil Trabelsi bid-demm filwaqt li xehed ukoll dwar il-biċċiet tal-kikkra miksura u l-liżar imċappas bid-demm li ma ġewx mgħoddija lill-Pulizija. Minkejja dan, il-vittma stqarr li xtaq jaħfer lill-imputat u li ma riedx li l-proċeduri jitkomplew kontrih.

Il-prosekuzzjoni ressqet ukoll akkużi relatati ma’ serqa ta’ vettura Mazda bin-numru EAW 056 li seħħet fl-2019 minn Raħal Ġdid għad-dannu ta’ Daniel Mifsud. Il-vettura nstabet jumejn wara f’qagħda ħażina, b’batterija u għodda neqsin, u ġew elevati impronti diġitali li ġew ikkonfermati bħala ta’ Wayne Delia.

Il-Qorti osservat li l-impronta (finger print) nstabet fuq barra tal-vettura, iżda stabbilixxiet li ma kien hemm ebda spjegazzjoni leġittima għaliex kellha tkun hemm, u għalhekk rabtet lill-imputat mas-serqa. Madankollu, billi ma ġiex ippruvat il-ħin, il-valur tal-oġġetti misruqa jew li s-serqa saret bi ksur jew bil-mezzi aggravanti, il-Qorti qieset li l-akkużat kien responsabbli għal serq aggravat biss bix-xorta tal-oġġett misruq u għal ħsara volontarja fuq il-vettura.

F’dan il-kuntest, il-Qorti eskludiet il-possibbiltà ta’ ħtija għal riċettazzjoni, billi ma setax jiġi kkundannat kemm għas-serq kif ukoll għar-riċettazzjoni tal-istess oġġett. Il-Qorti kellha quddiemha wkoll numru ta’ akkużi dwar ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti minn diversi maġistrati u mħallfin fuq snin differenti, fejn l-imputat allegatament wettaq reati oħra waqt li kien meħlus.

Barra minn hekk, huwa nstab ħati li sar riċediv fid-dawl ta’ sentenzi preċedenti li saru definittivi. Fil-każ tas-serqa tal-vettura, il-prova tal-impronti kienet biżżejjed biex tikkonvinċi li l-imputat kellu sehem dirett fl-att, filwaqt li għall-inċident ta’ Mejju 2020 rriżulta li kien proprju hu li ta d-daqqa bil-kikkra li kkawżat feriti gravi lill-vittma.

Il-proċess kompla billi l-Qorti evalwat ukoll il-korrezzjonijiet magħmula fl-akkużi u l-proċeduri relatati, speċjalment fejn kien hemm nuqqas ta’ allinjament bejn dak mitlub mill-Avukat Ġenerali u dak li effettivament ġie awtorizzat mill-Qorti fil-passat.

Din il-kawża turi kif il-Qorti qieset l-elementi kollha ta’ prova diretta u indizzjarja, ix-xhieda tal-partijiet involuti u l-ksur ta’ kundizzjonijiet preċedenti tal-ħelsien mill-arrest, sabiex tiddeċiedi dwar il-ħtija ta’ Wayne Delia fuq il-varji kapijiet ta’ akkuża miġjuba kontrih. Delia tilef ukoll parti sostanzjali mid-depożiti li għamel b’rabta mal-pleġġ li kemm-il darba ngħata.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Huvert Cini.