Floriana komplew juru l-aħjar tagħhom, iżda fuq kollox komplew iżommu l-konsistenza meta fl-aħħar match day tal-Malta Premier, huma rreġistraw ir-raba’ rebħa konsekuttiva tagħhom. B’hekk il-greens, immexxija mill-Portugiż ta’ 57 sena, Daniel Portela żammew l-ewwel post fil-klassifika tal-Opening Round, b’punt wieħed biss vantaġġ fuq Valletta.
Dawn tal-aħħar ukoll għaddejin minn mument pożittiv, u bit-telfa li ġarbu f’din il-match day Ħamrun Spartans kontra Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0, issa Valletta huma l-uniċi fil-Kampjonat li għadhom ma ġarbux telfa wara tmien partiti mil-bidu tal-Malta Premier.
Jekk Floriana qed juru pożittivitá u kontinwitá, ir-rivali tagħhom Valletta mhux b’inqas. B’tliet match days għat-tmiem tal-ewwel fażi minn tnejn tal-Opening Round, Valletta rrnexxilhom jiksbu riżultati pożittivi u jibqgħu mhux megħluba minkejja li fuq il-karta kellhom l-itqal partiti, speċjalment meta mqabbel ma’ dawk tal-leaders Floriana.
Fil-fatt qabel it-timijiet jinqasmu Top Six u Bottom Six, Floriana jridu jaffrontaw lil Birkirkara, Ħamrun Spartans u Sliema Wanderers; avversarji li t-tlieta li huma se jkunu qed ifittxu rebħa biex jassiguraw post mal-ewwel sitta fl-Opening Round.
L-iskeda tal-aħħar tliet partiti li jonqoshom jilgħabu Valletta, fuq il-karta hija inqas diffiċli minn dik ta’ Floriana. Valletta diġa’ lagħbu kontra Birkirkara, Ħamrun Spartans u Sliema Wanderers, u ironikament kienu l-uniċi drabi s’issa li l-Beltin temmew draw. Fil-bqija tal-ħames konfronti l-oħra li lagħbu Valletta, l-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Thane Micallef rebħet dejjem.
L-istatistika miġbura s’issa turi ukoll li Valletta għandhom attakk u difiża aħjar minn dik ta’ Floriana, u l-forma ta’ Valletta fl-aħħar ħames partiti li lagħbu fil-Kampjonat, tagħmilhom bħala l-aktar tim mit-tnax, li preżentament jinsabu fl-aqwa forma ta’ riżultati.
Għalkemm il-klassifika attwali tagħtina stampa ċara li l-battalja għal min se jispiċċa mal-ewwel sitta, wara li jintlagħbu t-tliet match days li jmiss tal-Malta Premier, hi bejn seba’ timijiet, wieħed irid jifhem li kollox għad jista’ jiġri. Għaldaqstant f’dan l-istadju, u kif inhuma l-punti tat-timijiet li jinsabu mal-ewwel seba’ postijiet tal-klassifika, m’huwiex importanti min se jispiċċa l-ewwel wara match day 11. L-importanti f’dan l-istadju hu li tagħmilha mal-ewwel sitta.

X’imisshom jilgħabu Floriana, Valletta u Ħamrun Spartans, qabel jinqasmu t-timijiet f’Top Six u Bottom Six tal-Opening Round tal-Malta Premier
Għalhekk wieħed faċilment ibassar li l-aħħar tliet match days se jkunu missileta għal dawk li preżentament jinsabu b’ċans realistiku li jagħmluha mal-ewwel sitta. Kif jidhru l-affarijiet illum it-timijiet li se jkunu jitħabtu għal post f’Top Six tal-Opening Round huma Floriana, Valletta, Ħamrun Spartans, Sliema Wanderers, Hibernians, Birkirkara u Marsaxlokk. Id-differenza li hemm fil-punti bejn il-leaders Floriana u ż-żewġ timijiet li attwalment jinsabu fis-sitt post, iġifieri Birkirkara u Marsaxlokk, hija ta’ sitt punti.
Dan kollu jikkonferma li l-aħħar tliet match days se jkunu missielta u xejn għajr rebħa f’kull logħba, m’hi se tikkuntenta li l-ebda mis-seba’ timijiet.

X’imisshom jilgħabu l-bqija tat-timijiet l-oħra li preżentament jinsabu fiż-żona tat-Top Six, qabel jinqasmu t-timijiet mal-ewwel sitta u l-aħħar sitta tal-Opening Round
//= $special ?>