“Dawn ma kkunsultawx magħna, qabdu għalqu l-aċċess tal-bankini u qed nistennew li jewġġa’ xi ħadd”
Saħaq dan resident u sid ta’ ħanut fil-Qawra, propju fil-pjazza ta’ Buġibba fejn preżentament qed isir xogħol infrastrutturali – liema xogħol ilu għaddej mill-bidu ta’ din is-sena.
Dan is-sid ta’ ħanut li hemm fil-pjazza ta’ Buġibba saħaq li l-ikbar problema li qed isibu hija n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejnhom u bejn l-awtoritajiet konċernati. U eventwalment qed jinqalgħu kwistjonijiet preokkupanti minħabba l-fatt li l-Gvern, fi kliem din il-persuna, qed iħallihom jgħumu weħidhom fil-limbu.
B’riżultat li anke n-negozji li hemm fl-akwata, qed ikomplu jħossu daqqa qawwija fuq il-bejgħ miħabba l-fatt li l-proġett issa ilu għaddej sa mill-bidu ta’ din is-sena, u m’hemm l-ebda ħjiel dwar id-data ta’ tlestija.
Hu kompla jisħaq ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet li l-awtoritajiet ma qalulhomx kemm bejn wieħed u ieħor ser idum dan ix-xogħol, u l-istess negozji spiċċaw anke jitilfu ammont ta’ flus minħabba l-ordnijiet tal-prodotti.
Fi kliem sempliċi ma jafx kif u meta jista’ jerġa’ jordna l-ammonti li kien ibiegħ qabel ma beda dan ix-xogħol sabiex ma jkunx hemm ħela.
Apparti min hekk, ma’ Net News hu saħaq li ftit tal-ġranet ilu, mingħajr avviż ta’ xejn, tqiegħdu bollards kbar tal-ġebel fuq il-bankini, tant li r-residenti, turisti u dawk kollha li jaċċessaw iz-zona qed ikunu esposti għal periklu mhux meħtieġ.
Huwa għalaq billi appella għas-sens komun u sabiex jitneħħew ċertu bollards u oġġetti oħra min nofs li qed ikunu ta’ periklu kbir. U filwaqt li jifhem li ċerta xogħol jrid isir, però għal inqas ix-xogħol għandu jsir bi pjan u mhux b’detriment għar-residenti, negozji u nies oħra li jifrekwentaw il-pjazza ta’ Buġibba.
//= $special ?>