Lokali Qorti

Deċiżjoni tal-Bord kontra eżenzjoni mit-taxxa fuq karozza mportata mir-Renju Unit revokata u trid terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid

It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, ippresedut mill-Maġistrat Charmaine Galea, ħassar u rrevoka d-deċiżjoni tat-Transfer of Residence Exemption Board li kienet ċaħdet it-talba ta’ Marina Lesko għal eżenzjoni mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq karozza importata mir-Renju Unit.

Lesko, li flimkien ma’ żewġha Vadim u ż-żewġ uliedha ddeċidiet li tirriloka Malta, kienet applikat għall-eżenzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni u Liċenzjar ta’ Vetturi Bil-Mutur. Hija sostniet li kienet ilha tgħix fir-Renju Unit u li ż-żjara tagħha f’Malta f’Lulju 2024 kienet biss temporanja u relatata mal-applikazzjoni tar-residenza tagħha ma’ Identità Malta, mhux abbandun definittiv tar-residenza tagħha barra minn Malta.

Il-Bord kien ċaħad it-talba tagħha fuq il-bażi li Lesko kienet fiżikament f’Malta mill-1 ta’ Lulju 2024, filwaqt li d-dokument ta’ residenza inħareġ fil-31 ta’ Lulju 2024. Skont il-Bord, dan kien ifisser li ma kinitx għexet Malta għal 24 xahar kontinwi “minnufih qabel” il-ħruġ tad-dokument ta’ residenza.

Iżda t-Tribunal ikkritika din l-interpretazzjoni u osserva li l-jiem li Lesko qattgħet f’Malta f’Lulju 2024 kienu ta’ tranżizzjoni u preparazzjoni għar-rilokazzjoni, sabiex tkun fiżikament preżenti għall-‘biometrics’ meħtieġa u biex issir applikazzjoni tar-residenza.

Fil-fehma tat-Tribunal, ir-residenza fir-Renju Unit intemmet biss fit-3 ta’ Awwissu 2024, meta Lesko u l-familja tagħha telqu mir-Renju Unit bil-vettura tagħhom u l-affarijiet personali biex jgħixu b’mod permanenti f’Malta.

Il-Maġistrat Galea rrimarkat li interpretazzjoni riġida bħalma applikaha l-Bord kienet twassal għal sitwazzjoni prattikament impossibbli, fejn applikanti barranin qatt ma jkunu eliġibbli għall-eżenzjoni jekk ikun hemm dewmien bejn id-dħul tagħhom Malta, il-proċess tal-‘biometrics’ u l-ħruġ tad-dokument ta’ residenza.

Fuq din il-bażi, it-Tribunal iddikjara li l-Bord għamel apprezzament ħażin tal-liġi, ħassar id-deċiżjoni tiegħu tat-26 ta’ Settembru 2024 u ordna li l-applikazzjoni ta’ Lesko għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid mill-istess Bord, fid-dawl tal-kjarifiki u ċ-ċirkostanzi esposti. L-ispejjeż tal-kawża ġew imposti fuq is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi.