Lejlet il-wasla f’Malta tal-Olanda għall-partita ta’ nhar il-Ħamis li ġej kontra t-tim nazzjonali Malti, il-kowċ tal-Oranje, Ronald Koeman qed iħabbat wiċċu ma’ ‘problema’, li fil-veritá m’hi problema xejn għajr bidla fil-pjan tattiku.
Dan għaliex fl-aħħar sigħat, il-media Olandiża żvelat li l-attakkant u l-aqwa skorer prolifiku ta’ kull żmien tal-Olanda, Memphis Depay kien se jasal tard f’’pajjiżu, biex jingħaqas mal-bqija tal-iskwadra, wara li l-passaport ta’ Depay, li jilgħab ma’ Corinthians fil-Brażil, ‘insteraq’ u allura ma setgħax jivvjaġġa mill-Brażil għall-Olanda fil-ħin.
Skont il-ġurnal ta’ kuljum fl-Olanda, de Gelderlander, tard il-Ħadd filgħaxija, l-attakkant ċempel lit-tim manager tal-Olanda, Brecht Kramer biex jinfurmah li kien tilef it-titjira tiegħu mill-Brażil għal Schiphol wara li “nsteraqlu l-passaport.”
Fl-ewwel kummenti li ta Koeman, wara li saret magħrufa din l-istorja, hu qal li kien qed jemmen l-verżjoni ta’ Depay, ċioé li ma setgħax isib il-passaport għaliex dan insteraq. Koeman qal li bejn it-tnejn hemm relazzjoni tajba wisq biex “niddubita din l-istorja.”
Minħabba f’hekk, l-FA Olandiża kellha tgħin lil Depay biex isiru l-arranġamenti meħtieġa u l-plejer ta’ 31 sena kellu jasal f’pajjiżu aktar tard mis-sejħa ta’ Koeman, wara li l-eks plejer ta’ Manchester United ħalla l-Brażil għall-Olanda b’ dokument tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza.
Depay kien diġa’ dubbjuż jekk jibdix il-partita kontra Malta, anke għaliex il-plejer għadu qed jirkupra minn injury fil-hamstring li ratu jitlef diversi partiti ma’ Corinthians, f’Awwissu u f’Settembru. Madankollu, fis-7 ta’ Settembru li għadda, Depay lagħab 84 minuta kontra l-Litwanja, f’logħba valida mil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, u dak in-nhar hu kien determinanti fir-rebħa ta’ 3-2 meta skorja żewġ gowls.
Wara dak in-nhar, Depay reġa’ ħass il-hamstring u ma kienx qed jilgħab ma’ Corinthians. Il-plejer irritorna jilgħab għal ftit minuti f’partita li t-tim Brażiljan lagħab fil-Kampjonat nhar il-Ħadd li għadda.
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Koeman kien diġa’ ta x’jifhem li kontra Malta, Depay kien se jkun fuq il-bank. Il-favorit biex jilgħab minflok Depay kien l-attakkant ta’ 22 sena, Mexx Meerdink li jilgħab fl- Eredivisie, l-għola diviżjoni Olandiża, ma’ AZ Alkmaar. Għal Meerdink, il-logħba f’Malta kienet se tkun id-debutt tiegħu mal-Olanda, iżda llum sar magħruf li l-attakkant weġġa’ u mhux se jkun qed jivvjaġġa lejn Malta, wara li Koeman ħa d-deċizjoni li jwaqqa’ lil Meerdink mill-għażla ta’ plejers għall-partiti kontra Malta l-Finlandja, mingħajr ma ssejjaħ plejer ieħor.
L-injury ta’ Meerdink xorta mhux se tfisser li Depay se jibda mil-ewwel minuta kontra Malta, f’Ta’Qali, nhar il-Ħamis li ġej. Koeman reġa’ ikkonferma dan u għalhekk x’aktarx, l-għażla ta’ min se jilgħab fl-attakk tal-Olanda, mistennija taqa’ fuq il-winger offensiv ta’ Aston Villa, Donyell Malen.
Sal-lum, Malen, li għandu 26 sena, lagħab 45 darba għall-Olanda u skorja 11-il gowl.
L-Olandiżi mistennija jaslu Malta l-Erbgħa filgħaxija, u mill-ajruport jibqgħu sejrin dritt Ta’Qali, fejn Koeman, għall-ħabta tat-8:30pm, għandu jindirizza l-ġurnalisti Maltin u Olandiżi, fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba tal-Ħamis li ġej.
//= $special ?>