Edukazzjoni Lokali

Entużjażmu mill-istudenti waqt iż-żjara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-MCAST

L-istudenti u ż-żgħażagħ se jsibuna spalla ma’ spalla magħhom.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, waqt żjara li kellu fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid hekk kif bħalissa għaddejja l-Fresher’s Week. B’Alex Borg jiltaqa’ ma’ diversi studenti li jattendu dan il-kulleġġ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg intlaqa’ minn Horace Laudi, li jmexxi l-MCAST flimkien mal-President tal-Kunsill tal-MCAST Matthew Sant, li flimkien dawruh kemm mal-Kulleġġ kif ukoll ma’ numru ta’ stands li ttellgħu minn diversi għaqdiet u NGOs.

Dawn l-għaqdiet qed jiltaqgħu mal-istudenti, li minn naħa tagħhom jistgħu jagħżlu waħda minnhom biex jagħmlu 20 siegħa community work li kull student irid jagħmel bħala parti mill-istudji tiegħu.
Dan apparti li dawn l-NGOs kif ukoll kumpaniji jieħdu din l-opportunità biex jiltaqgħu mal-istudenti u joffrulhom postijiet prospettiv fejn jistgħu jsibu impjieg.

Ritratt: Catriel Farrugia

Waqt din iż-żjara spikka wkoll l-entużjażmu tal-istudenti, li riedu jitkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u jaqsmu miegħu l-esperjenza tagħhom fl-MCAST, il-Kulleġġ tal-Arti, ix-Xjena u t-Teknoloġija.

Ritratt: Catriel Farrugia

Matthew Sant f’isem il-Kunsill tal-Istudenti preżenta wkoll ktieb lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li ħadmu flimkien l-istudenti tal-Kulleġġ tal-Mosta, fejn fih kull student preżenta l-ħidma tiegħu tal-aħħar tas-sena.
Dan sbiex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jifhem aħjar l-istudji li qed iwettqu dawn l-istudenti li huma ffukati fuq l-arti fosthom il-fotografija, il-moda, il-media u anka gaming.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat għal din iż-żjara mix-Shadow Ministers Bernice Bonello u Justin Schembri.