Internazzjonali

Franza: Tikber l-għajta biex iwarrab Macron

Il-kriżi qed tkompli għall-President Franċiż, Emmanuel Macron – tant li l-ewwel Prim Ministru maħtur minnu ħeġġeġ biex Macron isejjaħ elezzjonijiet bikrija għall-Presidenza …Dan, ladarba l-President jaħtar Prim Ministru ġdid biex jgħaddi l-baġit li jmiss ta’ Franza.

L-eks Prim Ministru Édouard Philippe qed jinsisti li Macron ma jistax ikompli jiżgiċċa l-kriżi politika li qed tikber minn jum għall-ieħor, speċjalment wara r-riżenja, jiem ilu, tal-Prim Ministru , Sébastien Lecornu… It-tielet riżenja ta’ Prim Ministru Franċiż fi żmien sena u li seħħet wara li sfumaw it-tentattivi ta’ Lercornu biex jifforma Gvern.

Macron talab lil Lecornu biex hu, nhar l-Erbgħa, jagħmel tentattiv ieħor għall-istabbilità, iżda l-appoġġ għall-President  beda jonqos sew anki fost l-alleati tiegħu…Alleati bħal Philippe, il-Prim Ministru bejnl-2017 u l-2020 u Gabriel Attal, li jmexxi lill-Partit Renaissance ta’ Macron u li kien Prim Ministru għal sitt xhur, fl-2024.

Gabriel Attal, issa, stqarr ċar u tond fuq it-televiżjoni li ‘mgħadux jifhem aktar id-deċiżjonijiet tal-President’.. Hu kompla li filwaqt li l-President kellu diversi tentattivi biex jikseb lura l-kontroll tas-sitwazzjoni, issa wasal iż-żmien biex hu (Macron) ibaxxi rasu u jaqsam il-poter mal-partiti l-oħra.

Dawn l-interventi mill-alleati ta’ Macron qed juru kemm il-pożizzjoni tal-President saret diffiċli  — u meta żdiedu wkoll is-sejħiet biex hu jwarrab mill-avversarji tiegħu fil-kampijiet politiċi tal-lemin u x-xellug radikali.

Intant, is-sorsi qrib il-Presidenza qalu – mingħajr ma speċifikaw — li Macron jinsab lest biex ‘jieħu r-responsabbiltà’ f’każ li tiggrava l-kriżi politka.