Sport

Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kumitati Olimpiċi Maltin u Kroati

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello; u l-President tal-Kumitat Olimpiku Kroat, Zlatko Mateša; iffirmaw Ftehim ta’ Kooperazzjoni li jifformalizza l-bidu ta’ kollaborazzjoni bilaterali.

Il-firma ta’ dan il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tistabbilixxi qafas legali għall-iskambju ta’ kowċis, atleti u esperti, kif ukoll għall-qsim ta’ għarfien u esperjenza professjonali bejn iż-żewġ komunitajiet Olimpiċi. Il-kooperazzjoni tinkludi kampijiet ta’ taħriġ konġunti, proġetti fil-mediċina u x-xjenza sportiva, u programmi ta’ żvilupp għall-atleti żgħażagħ.

Din il-kooperazzjoni għandha importanza partikolari għall-irbit sportiv u ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Kroazja, filwaqt li tippromwovi kollaborazzjoni fit-tul u tħeġġeġ investiment konġunt fl-iżvilupp tal-isport u tal-atleti talentużi, u tkompli ssaħħaħ is-solidarjetà Olimpika u t-tagħlim reċiproku.

Il-ftehim ġie ffirmat wara s-Seminar tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (EOC) u l-Olympic Solidarity Forum li ġie ospitat mill-Kumitat Olimpiku Malta u li għaliha attendew presidenti u rappreżentanti ta’ Kumitati Olimpiċi Ewropej.