Grupp ta’ firmatarji minn NGOs Maltin bagħtu ittra lil Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, wara li fil-kliem tiegħu qal li Malta għandha tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest li jmiss, anke jekk l-Iżrael jitħalla jerġa’ jipparteċipa.
It-talbiet tagħna huma ċari u sempliċi. Irridu li Malta tingħaqad mal-lista dejjem tikber ta’ pajjiżi, fosthom Spanja, l-Olanda, l-Irlanda, l-Iżlanda, u s-Slovenja, li qed jixħtu pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) biex teskludi lill-Iżrael mill-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest abbażi tad-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju li qed iwettaq kontra l-poplu Palestinjan. Jekk l-EBU tirrifjuta li tagħmel dan, Malta għandha tirrifjuta li tipparteċipa f’festival li jagħżel li jinjora d-delitti tal-gwerra daqshekk faċilment f’ġieħ id-divertiment.
Filwaqt li nifirħu lill-Gvern Malti għad-deċiżjoni riċenti tiegħu li jirrikonoxxi formalment lill-Istat tal-Palestina, dan ir-rikonoxximent se jibqa’ biss wieħed simboliku u bla sustanza jekk Malta ma tiħux azzjoni konkreta kontra l-qerda tal-Palestina u tal-poplu Palestinjan mill-Iżrael.
Iż-żmien għal djalogu mal-istat tal-Iżrael ilu li għadda. Kemm se ndumu naraw Palestinjani jmutu u jbatu f’isem id-“djalogu” ma’ entità li ċarament ma jimpurtaha xejn minnu? Malta għandha tkun wieħed min-nazzjonijiet li juru lill-Iżrael u lill-bqija tal-komunità internazzjonali li aħna mhux se nippermettu reati kriminali kontra l-umanità.
L-għaqdiet:
- Moviment Graffitti
- Inizjamed
- Solidarjeta’
- Lebanese Advocates
- Watermelon Warriors
- Ġustizzja għall-Palestina
- General Workers Union
- Għaqda għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Paċi
- Embassy of Palestine
- Skop
- Kopin
- Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA)