L-NGOs li jiffurmaw parti mill-kampanja Ġustizzja Għal Artna, qed jesprimu r-rabja tagħhom għall-kummenti relatati mar-“riformi” foloz tal-ippjanar li ta l-Prim Ministru lill-midja it-Tnejn.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru indika li mhux ser jirtira l-bidliet minkejja l-kundanna kważi unanima li qajmu dawn il-proposti. L-hekk imsejħa riformi ġew ikkundannati minn kważi kull sieħeb soċjali, mill-NGOs ambjentali kollha, minn 70 assoċjazzjoni u 18-il għaqda studenteska, kif ukoll minn akkademiċi u esperti legali. Ħafna fi ħdan il-partit tiegħu stess ukoll esprimew dubju dwar il-liġijiet proposti.
Is-Sibt li għadda, eluf ta’ nies niżlu fi Pjazza Kastilja jitolbu biex l-Abbozzi 143 u 144 jitneħħew, iżda l-Prim Ministru ma jidhirx li qed jisma’.
Il-Prim Ministru issa qed jipprova jiġġustifika l-bidliet kontroversjali fil-leġiżlazzjoni tal-ippjanar fuq il-bażi li dawn se joħolqu “ċertezza legali”. Fil-fatt, din ir-riforma tagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar is-setgħa li tinjora r-regoli u l-pjani stabbiliti, u li tbiddel iz-zoni u l-limiti tal-għoli kif jogħġobha, u b’hekk toħloq kaos fl-ippjanar. Dan ifisser li ħadd ma jkun jaf b’mod ċar x’inhu permess f’zona partikolari. Jekk din hi ċ-“ċertezza” li qed jirreferi għaliha l-Prim Ministru, allura hi ċertezza ta’ konfużjoni u ta’ instabbiltà fil-politika.
Il-Prim Ministru qal ukoll li jixtieq itejjeb l-abbozzi ta’ liġi proposti. Madankollu, meta ġie mistoqsi x’aspetti tal-liġi kien lesta jerġa’ jikkunsidra, ir-risposta tiegħu kienet li kien se jnaqqas il-multi għall-iżviluppi illegali li jiġu legalizzati… pass li jippremja lil dawk li jabbużaw. L-NGOs jikkunsidraw dan bħala provokazzjoni, u jħossu tħassib serju dwar x’se jkun ir-riżultat finali tal-hekk imsejjaħ eżerċizzju ta’ “konsultazzjoni”.
Minkejja l-oppożizzjoni kbira għall-abbozzi, il-Prim Ministru qed ikompli jimbuttahom ’il quddiem — mhux għall-ġid pubbliku, iżda taħt pressjoni minn żviluppaturi qawwija u d-donazzjonijiet tagħhom. L-oppożizzjoni għal dawn ir-riformi ma ġietx biss mill-pubbliku, iżda wkoll minn ħdan il-Kabinett tal-Gvern.
L-NGOs qed jinsistu li ma jippermettux lil dawn l-iżviluppaturi jkomplu jeqirdu lill-pajjiż bl-appoġġ ta’ Robert Abela. Huma sostnew ukoll li aktar azzjonijiet kontra l-abbozzi ser isiru fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.
L-għaqdiet huma:
- Ramblers’ Association of Malta
- Flimkien Ghal Ambjent Ahjar
- Moviment Graffitti
- Din l-Art Helwa
- Birdlife Malta
- Ghawdix
- Wirt Ghawdex
- Nature Trust Malta
- Friends of the Earth Malta