Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex ikun Gvern alternattiv” – Alex Borg

“Il-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li joffri alternattiva lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt id-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-Assemblej Reġjonali li qed isiru madwar Malta u Għawdex – bl-ewwel waħda issir fin-Naxxar.

Fid-diskors li wassal lil dawk preżenti, Alex Borg wiegħed li hu flimkien mat-tim kollu tiegħu se jaħdmu qatigħ biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jkun wieħed li jpoġġi fuq quddiem nett l-interessi tan-nies.

Din l-Assemblea nfetħet mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut u indirizzaha wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello li tkellem fuq il-ħidma tal-PN fl-aħħar xhur; partikolarment l-elezzjoni ta’ kap ġdid li welldet enerġija ġdida.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg minn naħa tiegħu stieden lil dawk preżenti biex ixammru l-kmiem u jkomplu jagħtu l-kontribut tagħhom ħalli l-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ bħala Gvern alternattiv.

Numru ta’ attivisti għamlu wkoll l-interventi tagħhom u rrikonoxxew il-ħidma importanti li qed issir mit-tmexxija tal-PN. Dan filwaqt li tkellmu fuq kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jissaħħaħ.

Intant, bħalissa għaddejja wkoll ħidma ta’ preparazzjoni għall-maratona importanti ta’ ġbir ta’ fondi li se ssir fit-12 ta’ Ottubru li ġej b’risq il-PN.