Lokali Parlament

Il-PN jappoġġa l-waqfien mill-ġlied f’Gaża u l-ħolqien ta’ żewġ stati

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg

F’dikjarazzjoni li għamel fil-parlament llum il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-PN jappoġġa l-waqfien mill-ġlied f’Gaża u l-ħolqien ta’ żewġ stati; dak Palestinjan u dak Iżraeljan.

Fis-seduta parlamentari tal-lum saret stqarrija ministerjali mill-Prim Ministru Robert Abel dwar il-laqgħa li saret f’Copenhagen.

Bidu tas-seduta l-Prim Ministru rrifjuta li jgħaddi kopja tal-istqarrija li kien se jagħmel lill-Oppożizzjoni għax ippretenda li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħaddilu kopja tad-diskors ta’ dak li kien se jgħid bi tweġiba għal tiegħu.

Il-Whip tal-Oppożizzjni Robert Cutajar u d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostnew li minn dejjem kienet il-prassi li l-Prim Ministru jgħaddi kopja tal-istqarrija li jkun se jagħmel lill-Oppożizzjoni. Robert Cutajar qal li l-PN ma jistax jifhem kif il-Prim Ministru qed jippretendi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħaddilu kopja ta’ dak li kien se jgħid meta l-Kap tal-Oppożizzjoni kien se jwieġeb għall-istess diskors tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru baqa’ jirrifjuta li jgħaddi l-istqarrija tiegħu lill-Oppożizzjoni.

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fakkar li llum 7 ta’ Ottubru 2025 hu t-tieni anniversarju tal-attakki terroristiċi tal-Ħamas fuq Iżrael u kkundanna dan l-attakk. Il-Ħamas ma jirrappreżentax il-poplu Palestinjan, sostna Alex Borg, li qal li l-PN jappoġġja waqfien mill-ġlied u l-ħolqien ta’ żewġ stati.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-laqgħa ta’ Copenhagen saret f’mument ta’ instabbiltà ġdida maħluqa mir-Russja b’theddida għall-infrastruttura Ewropea. Il-messaġġ kien fuq l-importanza li l-UE ssaħħaħ l-protezzjoni taċ-ċittadini b’iktar enfasi fuq id-difiża.

Dan sar permezz ta’ erba’ programmi, sostna Alex Borg, li qal li għal Malta d-deċiżjonijiet għandhom l-effett ta’ sigurtà fl-aspetti ċibernetiċi, id-difiża u n-newtralità, ir-reżiljenzja, il-kooperazzjoni ta’ Malta għall-protezzjoni ċivili, it-tisħiħ tan-newtralità, l-iffriżar tal-assi Russi u l-isfidi ta’ governanza.

Is-settur finanzjarju Malti jrid jiżgura lineament sħiħ tar-regoli tal-UE. Il-laqgħa ta’ Copenhagen ssostni l-appoġġ għall-Ukrajina. Għal Malta din għandha tkun opportunità li ssaħħaħ it-teknoloġija tad-difiża, sostna l-Kap tal-PN, li qal li l-vuċi ta’ Malta għandha tħares lejn il-bilanċ. Il-messaġġ hu wieħed ta’ determinazzjoni biex is-sigurtà u l-kredibbiltà ta’ Malta fl-UE.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu tajjeb li Malta issa rrikonoxxiet l-Istat tal-Palestina u sostna li dan hu pass konkret lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati. Il-PN jappoġġja kull inizjattiva li titlob paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajina u jappella għall-waqfien immedjat tal-ġlied f’Gaża u għall-ħelsien tal-ostaġġi flimkien mal-għajnuna lill-popli.

Alex Borg qal li Malta għandha iżżid l-kapaċità ta’ servizzi barranin biex tidħol f’fora internazzjonali. Għandu jinstab qbil nazzjonali dwar il-politika barranija, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Beppe Fenech Adami qal li kien hemm diversi ċirkostanzi fejn ajruplani u drones Russi daħlu f’territorji Pollakki. Hu staqsa jekk il-gvern Malti ħax xi miżuri biex ikun evitat xi attakk ċibernetiku, dwar l-assi Russi u jekk fil-gvern Malti hemm aġenti tal-Gvern Russu biex imexxu l-aġenda tal-gvern Russu u l-aġenda ta’ Putin. Dan il-persuna jista’ jkun imħallas mill-gvern Malti. Beppe Fenech Adami staqsa jekk il-Prim Ministru hux komdu b’dan il-persuna?

Id-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello staqsiet x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dar l-Ukrajina.