Id-eputat Nazzjonalista Ryan Callus sostna li fil-valultazzjoni li se terġa’ tagħmel dwar il-konċessjoni lil-Lukanda Fortina, l-Awtorità tal-Artijiet ma tistax tinjora l-valutazzjonijiet li diġà saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u minn Grant Thornton.
F’dikjarazzjoni parlamentari llum Ryan Callus, li hu wkoll membru tal-Kumitat tal-Verifika f’isem l-Oppożizzjoni flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit, għamel riferenza għall-istqarrija tal-Fortina Group fejn intqal li l-Kumitat Parlamentari tal-Verifika, li l-Oppożizzjoni tagħmel parti minnu, skredita b’xi mod il-valutazzjoni tal-Grant Thornton u l-valutazzjoni li saret mill-Awditur Ġenerali fl-investigazzjoni tiegħu dwar dan l-iskandlu kbir li seraq lill-pajjiż miljuni ta’ ewro.
Din hija gidba sfaccata li ma tistax tiġi injorata mill-Parlament, sostna Ryan Callus, li kompla li f’diversi stanzi matul il-Kumitat Parlamentari, l-Oppożizzjoni stqarriet li fl-inkarigu l-ġdid lill-Awtorità tal-Artijiet biex terġa’ tirrevedi l-valutazzjoni tat-tneġġija tal-kundizjonijiet, l-Awtorità tal-Artijiet ma tistax tinjora, twarrab jew tiskedita iż-żewġ valutazzjonijiet li saru minn Grant Thornton u mill-Awditur Ġenerali li rriżultaw f’miljuni iktar li ma tħallsux mill-Fortina.
Ryan Callus kompla li iktar minn hekk fil-Kumitat tal-Verifika, kien hemm tentattiv biex jiddaħħal test għar-riżoluzzjoni parlamentari li jitfa’ dubju fuq il-valutazzjoni imħejjija mill-Awditur Ġenerali. L-Oppożizzjoni opponiet dan it-test bil-qawwa u talbet biex jitneħħa mir-riżoluzzjoni. Kien wara li dan tneħħa li l-Oppożizzjoni qablet li l-każ jerġa’ jmur lura għand l-Awtorità tal-Artijiet.
Minbarra dan, waqt il-Kumitat tal-Verifika, l-Oppożizzjoni sostniet li ma taqbilx mad-dikjarazzjoni tal-Fortina Group li għandha tiggwadanja minn xi valutazzjoni irħas minhabba xi metodologija ġdida li daħlet fis-seħħ dan l-aħħar.
Jekk hawn xi hadd li dejjem kien kontra dan l-iskandlu, b’għassa stretta fil-Bord tal-Governanza tal-Awtorità tal-Artijiet, b’vot konsistenti fil-kumitati tal-parlament kif ukoll fid-dibattiti parlamentari, din kienet l-Oppożizzjoni. Tant hu minnu li l-Oppożizzjoni talbet biex tiddibatti immedjatament il-każ Fortina fil-PAC, sostna Ryan Callus.
L-Oppożizzjoni dejjem kienet fuq in-naħa tal-poplu u hekk se tkompli tkun f’dan il-każ u f’kull kaz ieħor, sakemm nassiguraw li dak li nsteraq lill-poplu jitradd lura kollu, sostna d-deputat Nazzjonalista.