Lokali

Is-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema tal-HSBC għandha tkun l-ewwel prijorità – PN

Is-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema tal-HSBC għandha tkun l-ewwel prijorità.

Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni li qed tkompli tiżvolġi wara li l-HSBC iddeċieda li jitlaq minn Malta. Dan għaliex meta tħabbret id-deċiżjoni tal-HSBC, il-ħaddiema kienu ngħataw assigurazzjoni li ma hemm l-ebda theddida għall-post tax-xogħol tagħhom. Minkejja dan, issa qed jintqalilhom li posthom hu garantit biss għas-sentejn li ġejjin.

Dan minbarra li fil-kuntratt kellhom li jekk xi darba l-HSBC jiltaq minn Malta huma jingħataw kumpens xieraq – xi ħaġa li issa l-HSBC jidher li qed jirrifjuta li jonora.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, u x-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo, qalu li dan wassal biex il-union tal-ħaddiema tal-HSBC, l-MUBE, fl-aħħar sigħat ħabbret li se jkollha terġa’ tieħu azzjoni industrijali għat-tielet darba biex tħares id-drittijiet tal-membri tagħha skont il-ftehim bil-miktub mal-HSBC f’sitwazzjoni ta’ “takeover or similar”. 

Mhux sewwa li l-HSBC, li kien daqshekk ġeneruż fil-ftehim li laħaq ghall-bejgħ tal-ishma tiegħu bi prezz ta’ €0.79 kull sehem lil Credia Bank, issa qed ikollu idu tqila biex jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn il-ħaddiema li dejjem qdew dmirhom.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella liż-żewġ banek biex minnufih jirrevedu l-pożizzjonijiet tagħhom fl-aħjar interess tal-ħaddiema tagħhom.

Is-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha dawn il-ħaddiema tinkwieta lill-Partit Nazzjonalista għaliex tiddistabilizza lill-familji li jiddependu fuq dawn il-postijiet tax-xogħol.

Huwa ta’ dispjaċir ukoll li dawk li investew flushom ma’ dan il-bank, fil-biċċa l-kbira tagħhom azzjonisti zgħar u pensjonanti, qed issirilhom offerta li mhix waħda ġusta hekk kif din lanqas biss tlaħħaq il-valur ta’ kull sehem skont il-kotba awditjati (net asset value per share) tal-HSBC, jiġifieri €1.71 għal kull sehem kif stabbilit fit-30 ta’ Ġunju 2025. 

Il-PN jappella lill-Credia Bank biex jirrifletti mill-ġdid u jikkunsidra li jtejjeb l-offerta tiegħu lill-azzjonisti minoritarji biex din almenu tlaħħaq il-minimu ta’ €1.71.

Il-PN jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema tal-HSBC u mal-mexxejja tal-MUBE u fid-dawl ta’ dan kollu jittama li jirbaħ is-sens komun u l-ħaddiema jingħataw dak li kien imwiegħed lilhom.