Blossom huwa proġett ta’ riċerka u studju fuq it-tfal fi ħdan il-Malta Trust Foundation immexxija mill-President Emeritu Marie Louis Coleiro Preca. F’dan l-istħarriġ instab li diversi tfal li jattendu l-iskola, b’mod partikolari dawk li jattendu l-iskola primarja, qegħdin mhux biss jgħaddu diversi sigħat ‘l bogħod mill-familji tagħhom imma anke li numru minnhom qegħdin ibatu l-ġuħ.
Għalkemm fl-iskejjel tal-Istat hemm s-servizz tal-Breakfast Club, xorta dawn it-tfal jispiċċaw bil-ġuħ. Dan qed iħalli l-impatt mhux biss fuq il-ħila tagħhom biex jitgħallmu imma anke fuq l-izvilupp emozzjonali tagħhom. Dan l-istess stħarriġ sab ukoll li diversi tfal jinsabu weħedhom u l-unika kumpanija li għandhom hija t-teknoloġija, bil-perikli kollha li din tista’ ġġib magħha.
Għax jemmen mhux biss li t-tfal jistħoqqilhom l-aħjar, imma anke għax l-esperjenza turi li esperjenza ta’ tfulija ħażina diversi drabi twassal għal numru ta’ problemi soċjali oħra fil-futur, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li jkun hemm aktar investiment robust u intervent immedjat biex jiġu mħarsa t-tfal. Fost id-diversi miżuri li jistgħu jittieħdu hemm:
· It-twaqqif ta’ osservatorju li jħares l-interessi tat-tfal f’età bikrija. Dan għandu jkun magħmul minn esperti ġejjin mill-kamp soċjali, edukattiv u tas-saħħa bil-għan li f’sinerġija bejniethom jsewgu l-preokkupazzjonijiet u l-isfidi tat-tfal f’din l-età tant delikata u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet konkreti ta’ kif se nħarsu l-benesseri ta’ dawn it-tfal u tal-familji tagħhom.
· Miżuri konkreti li jappoġġjaw lill-familja moderna tal-lum. Għalkemm s’issa diversi ġenituri jserrħu fuq l-għajnjuna tan-nanniet, kulħadd jaf li ‘l quddiem din mhix se tibqa’ soluzzjoni reali. Għaldaqstant, filwaqt li għandu jkun hemm għajnuna lil dawn in-nanniet, hemm bżonn ta’ miżuri oħra li jgħinu tassew lill-familja biex issib il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħin tal-familja. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ aktar opportunitajiet ta’ flexi u core hours ta’ xogħol, remote working u ġranet/ħinijiet tax-xogħol mfassla b’mod li jgħinu lil ġenituri li għandhom tfal żgħar.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-importanza li t-tfal minn età bikrija jingħataw edukazzjoni olistika u ambjent familjari xieraq biex jikbru fi tfulija sana li sservihom biex jegħlbu l-isfidi tal-futur. Għaldaqstant, huwa fl-interess tal-ġid komuni li jkollna investiment qawwi fil-ħarsien tagħhom.
Dan intqal fi stqarrija minn Albert Buttigieg ix-Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal, Justin Schembri ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni, Graziella Galea ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur u Ivan Castillo ix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni.
//= $special ?>