Lokali Qorti

Koppja akkużata b’falsifikazzjoni ta’ flus u r-raġel akkużat b’reati ta’ vjolenza domestika fuqha

Koppja tressqet il-Qorti akkużata b’falsifikazzjoni ta’ flus, u li għamlet użu minn flus foloz kif ukoll li kellha fil-pussess tagħha apparat li jintuża għall-falsifikazzjoni jew għall-bidla tal-munita. Ir-raġel kien akkużat ukoll b’reati ta’ vjolenza domestika, jiġifieri li kkawża ġrieħi ħfief lill-eks sieħba tiegħu u li poġġieha f’biża’ li seta’ juża vjolenza kontriha.

Il-każ inbeda wara investigazzjoni tal-Pulizija dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ flus foloz li wasslet għall-arrest tal-akkużati. Fit-tfittxija li saret fir-residenza tagħhom instab li kienu qed jipproduċu l-flus foloz għall-użu tagħhom stess.

Malli ġiet arrestata, il-mara qalet lill-investigaturi li kienet imbeżża’ mis-sieħeb tagħha u allegat li kien sfurzaha tuża l-flus foloz. Hija ppreżentat rapport ta’ vjolenza domestika u allegat li sofriet ġrieħi ħfief. Minn test ta’ riskju ħareġ punteġġ ta’ 26 li ġie kklassifikat bħala riskju għoli.

Fis-seduta, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi sostniet li l-akkużi kienu ta’ natura serja ħafna, li l-allegata vittma għadha ma xehditx u li l-akkużat ma kellux indirizz fiss minħabba li kien jgħix mal-istess vittma.

Id-difiża wieġbet li l-evidenza prinċipali, fosthom ‘printer’, flus foloz u filmati tal-CCTV li allegatament juru l-użu ta’ dawn il-flus, kienet diġà fil-pussess tal-Pulizija u għalhekk ma kien hemm ebda riskju ta’ tbagħbis. Fir-rigward tal-indirizz, id-difiża sostniet li l-akkużat kien se joqgħod ma’ ommu.

L-avukat tad-difiża George Anton Buttigieg wera dubju serju dwar l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika, jgħid li kienu magħmula bi spirtu ta’ vendetta. Huwa rrimarka wkoll li kien jaf lill-allegata vittma minn każi preċedenti u qal li “kull min ikun magħha jispiċċa akkużat.”

Fir-rigward tal-assessjar tar-riskju, l-avukat insista li l-mara kienet taf sew kif twieġeb biex tinkiseb klassifikazzjoni ta’ riskju għoli u li din ma kinitx sitwazzjoni ta’ riskju ġenwin. Huwa tenna li l-Qorti kellha kull mezz sabiex tiżgura li ma jkunx hemm kuntatt bejn il-partijiet.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. F’seduta separata, il-mara wkoll tressqet mixlija b’falsifikazzjoni ta’ flus, li ħolqot u għamlet użu minn flus foloz u li kellha strumenti għall-falsifikazzjoni jew għall-bidla tal-munita.

Il-prosekuzzjoni sostniet li fid-dawl ta’ din l-ammissjoni bikrija, il-Qorti kellha timponi piena ta’ ħabs sospiża fil-massimu tagħha, waqt li l-avukat tal-għajnuna legali Maria Karlsson argumentat li l-mara għandha tarbija ta’ seba’ xhur u għalhekk kellha tingħata piena sospiża fil-minimu.

Fil-ġudizzju tagħha, il-Maġistrat Charmaine Galea kkunsidrat iċ-ċirkustanzi u kkundannat lill-mara sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Antonello Magri flimkien mal-Avukat Alessia Schembri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Avukat George Anton Buttigieg deher għar-raġel.