Il-Front Żgħażagħ għall-Ambjent jinnotaw b’dispjaċir l-insensittività u s-suppervja fi kliem il-Prim Ministru li, it-Tnejn wara nofsinhsar, f’kummenti li ta lill-ġurnalisti quddiem il-Parlament, sostna ii mhux ser ikun qed jirtira l-abbozzi numru 143 u 144.
Sal-lum il-ġurnata kienu 18-il organizzazzjoni studenteska li ffirmaw l-istqarrija maħruġa mill-FŻA, li fiha l-Gvern ġie mħeġġeġ sabiex iwarrab għal kollox dawn l-abbozzi u joħloq riforma bbażata fuq paġna ġdida. Iżda mhux biss, kienu diversi l-NGOs u n-nies; żgħażagħ, anzjani u saħansitra tfal, li nhar is-Sibt li għadda, ħonqu Pjazza Kastilja b’għajta waħda: “Irtirawhom issa!”. Minkejja dan, il-Prim Ministru jsostni li “l-għan finali ta’ din ir-riforma kienet li ż-żgħir jibbenefika”. M’hemm ħadd f’pożizzjoni aħjar biex iwassal il-messaġġ taż-żgħir mill-eluf ta’ nies li s-Sibt filgħodu nġabru u qalu proprju l-kontra ta’ dan.
Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa bil-wisq diżappuntanti li quddiem il-karba ta’ poplu, il-Prim Ministru qiegħed isabbat saqajh. M’huwiex ġust li l-Prim Ministru quddiem din il-karba, jibqa’ jiskuża dawn l-abbozzi bħala liġijiet li ser jibbenefikaw liż-żgħir, lill-bdiewa, lill-anzjani u lill-fqar.
Il-Prim Ministru kontinwament qiegħed jiżvijja l-poplu li dawn l-abbozzi huma intiżi għaż-żgħir billi jilgħab bl-emozzjonjiet tan-nies u jdeffes id-delizzji, li huma tant għal qalb il-Maltin. Jonqos milli jgħid, però, li dawn il-liġijiet ser iżidu l-bini, u li għaldaqstant ħafna mid-delizzji li qed jinqeda bihom il-Prim Ministru, bħall-kaċċa, ser ikunu negattivament impattati b’dawn l-abbozzi.
Lanqas m’huwa ġust li l-Prim Ministru jippreżenta s-sejħa għall-konsultazzjoni bħala opra ta’ ġenerożità. M’hemm xejn x’tinnegozja f’abbozzi li bdew bil-qerq, bil-ħabi u li ddaħħlu saħansitra inkiss inkiss. Ma rridux nibdew f’pożizzjoni li fiha d-drittijiet ambjentali tagħna jibdew b’defeċit. L-unika konsultazzjoni serja tkun dik li tippreċedi l-abbozzi nfushom f’dak li jkun spirtu ta’ onestà u diskussjoni vera, fi żmien ordinarju u ta’ rutina u mhux lejlet l-għeluq tal-Parlament jew qabel xi btajjel.
Għaldaqstant, bħala Front Żgħażagħ Għall-Ambjent, filwaqt li qed isejħu għal iktar sensittività fid-deċiżjonijiet u l-kummenti tal-politiċi tagħna, qed isostnu li l-pożizzjoni tagħhom hija waħda ċara: L-abbozzi numru 143 u 144 għandhom jiġu rtirati minnufih. Il-Front Żgħażagħ għall-Ambjent qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà li jirrappreżenta t-18-il għaqda studenteska li wkoll qegħdin jitolbu għall-irtirar ta’ dawn l-abbozzi. Ikun bil-wisq irresponsabbli u żbaljat il-Gvern li jinjora x-xewqa taż-zgħażagħ.
//= $special ?>