Waqt li kien qed jindirizza is-sessjoni plenarja fil-Parlament Ewropew illum, l-MEP Malti u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa appella lill-UE biex tappoġġja l-pjan ta’ paċi propost mill-Istati Uniti li għandu l-għan li jtemm l-ostilitajiet f’Gaża u jistabbilixxi t-triq lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati, triq li tinkludi r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra mwettqa f’Gaża.
Casa ddeskriva t-traġedja umanitarja bħala “intollerabbli,” u indika “ksur flagranti tad-dritt internazzjonali u krudeltà bla preċedent”. Huwa fakkar ukoll fil-massakru tas-7 ta’ Ottubru meta nqatlu aktar minn elf persuna innoċenti u ħafna ttieħdu ostaġġi mill-Ħamas.
“Issa wasal iż-żmien għall-paċi. Hemm pjan fuq il-mejda li jista’ jiżgura l-ħelsien tal-ostaġġi, iwaqqaf l-attakki fuq Gaża u jistabbilixxi l-pedamenti għal soluzzjoni ta’ żewġ stati – l-unika triq lejn paċi dejjiema bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani,” qal Casa b’referenza għall-pjan propost mill-gvern Amerikan.
“Iżda l-komunità internazzjonali trid ukoll tibgħat messaġġ ċar: Dawk li jwettqu delitti tal-gwerra se jinżammu responsabbli. Il-ġustizzja hija essenzjali biex jiġi żgurat li dawn l-atroċitajiet qatt ma jiġu ripetuti,” iddikjara Casa.
//= $special ?>