Paul Scicluna 46 sena minn Bormla li qal fil-Qorti li ma jaħdimx, ġie mixli li fil-lejl ta’ bejn it-2 u t-3 ta’ Marzu li għadda kkommetta serq ta’ numru ta’ għodda minn sit ta’ kostruzzjoni fil-lokalità ta’ Bormla. Huwa wieġeb mhux ħati li seraq għodda li kienet tinkludi jigger tal-Vurt, portless grinder tal-Vurt, multimeter, żewġ batteriji, żewg chargers tal-jigger u grinder, kif ukoll basket tal-għodda mimli ‘hand tools’, ‘cordless drill’, trapani u gulju, liema serq huwa aggravat bil-valur li jeċċedi l-€2,329.37ċ.
Huwa ġie akkużat ukoll quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li fit-2 ta’ Ottubru li għadda bejn is-1am. u t-8am. f’ħanut tal-merċa fi Triq San Frangisk, ukoll ġewwa Bormla, ikkommetta serq ta’ flus kontanti, liema serq huwa aggravat li ma jeċċedix l-€2,329.37ċ.
Ġie mixli wkoll li fl-istess data, lok u ċirkostanzi, irrenda ruħu reċidiv b’sentenza tal-Qorti tal-Maģistrati. It-talba għall-ħelsien mill-arrest li kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-Prosekuzzjoni li qalet li dawn kienu t-tielet u r-raba’ serqa tiegħu u li kien anke mar il-ħabs fuq serq. Ingħad ukoll li huwa jbati mill-vizzju tad-droga, li ma jaħdimx, u hemm il-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.
Id-difiża qalet li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u li għajnuna għandu bżonn u mhux jintbagħat il-ħabs. L-Avukat Sarah Vassallo Ciliberti qalet ukoll li l-Qorti tista’ tagħmel kundizzjonijiet lill-imputat li jrid joqgħod magħhom.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-imputat ma joffrix il-garanzija meħtieġa li jista’ joqgħod mal-kundizzjonijiet imposti. Fuq talba tad-difiża l-Qorti rrakkomandat lill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tagħti l-għajnuna kollha lill-imputat kontra l-vizzju tad-droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Luigi Gulia u l-Ispettur Gabriel Kitcher. Għal Scicluna dehret l-Avukat Sarah Vassallo Ciliberti.
//= $special ?>