Lokali Qorti

Multa ta’ €3,000 wara li tajjar sewwieq ta’ mutur f’każ ta’ ‘hit and run’

Raġel ta’ 34 sena minn Ħal Qormi ġie kundannat multa ta’ €3,000 u liċenzja sospiża għal sitt xhur u 12-il punt penali miżjuda fil-liċenzja tiegħu u dan wara li ammetta li nhar il-Ħadd li għadda filgħaxija tajjar persuna li kien fuq mutur bil-vettura tiegħu tal-għamla Toyota waqt li kien taħt l-effett tal-alkoħol.

Marlo Mifsud, li jaħdem bħala Chef, ammetta li fil-5 ta’ Ottubru għall-ħabta tad-9.30pm kien involut f’inċident serju li seħħ fiz-zona tar-’roundabout’ tas-Saqqajja fir-Rabat, fejn is-sewwieq ta’ mutur tat-tip Kymco kien wieqaf fuq give way u ntlaqat mill-vettura li kienet qed tinstaq b’veloċità eċċessiva u b’mod traskurat.

Il-karozza laqtet il-mutur minn wara u għaddiet minn fuqu, b’riżultat li s-sewwieq tal-mutur weġġa’ b’mod ħafif. L-Ispettur Nathan Bugeja qal lill-Maġistrat Charmaine Galea li Mifsud baqa’ ma waqafx fuq il-post u telaq minn fuq il-post. Qal li ftit tal-ħin wara l-inċident mar flimkien ma’ missieru fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi biex jirrapporta l-inċident.

Il-prosekutur qal li meta wasal l-Għassa, il-pulizija nnotaw riħa qawwija ta’ xorb fuq Mifsud. Huwa ġie mitlub jagħmel test tan-nifs minħabba l-livell tal-alkoħol u qabel talab biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu, Roberto Montalto.

L-Ispettur Bugeja qal li l-akkużat rrifjuta li jagħmel it-test. L-imputat permezz tal-Avukat tiegħu dwar il-piena ssottometta li ammetta mill-ewwel li kien hu li kkawża l-inċident u kkonferma l-verżjoni tiegħu li ta lill-pulizija, fejn sostna li kien taħt l-influwenza tax-xorb.

L-Avukat Montalto qal li l-klijent tiegħu stess żvela dak kollu li kien seħħ u għamel dan b’mod bikri anke fil-Qorti. Il-prosekuzzjoni rrimarkat iżda li għalkemm ta ruħu b’idejh, l-ewwel reazzjoni tiegħu kienet li jaħrab minn fuq il-post tal-inċident. Fil-fatt hemm xhieda li raw lil Mifsud joħroġ mill-karozza wara l-inċident u jerġa’ jidħol fil-karozza u jsuq bi speed eċċessiv.

Il-Qorti ħadet nota tal-ammissjoni bikrija tiegħu u minflok sentenza sospiża kkundannatu għal multa ta’ €3,000 u sospensjoni tal-liċenzja. Kien maqbul ukoll li l-multa titħallas f’perjodu ta’ sitt xhur, b’rati mensili ta’ €500 fix-xahar.