Fl-2022, l-atleti Għawdxin Stephen Grima, Anthony Attard u Felicienne Mercieca ngħaqdu b’viżjoni sempliċi: li jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ, kompetizzjonijiet u progress f’ambjent fejn ikunu apprezzati kemm il-prestazzjoni u kif ukoll l-ispirtu ta’ komunità sportiva. Minn dan kollu, twieled il-klabb D Sports Lab. Dak li beda bħala inizjattiva żgħira, issa – fi żmien tliet snin biss – żviluppa fi klabb li joffri taħrig f’diversi dixxiplini sportivi, coaching f’diversi dixxiplini u l-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-atleti ta’ kull livell biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Bidu iebes
Din l-avventura qatt ma kienet se tkun waħda faċli. Li tkun ibbażat f’Għawdex iġib miegħu sfidi uniċi, partikolarment f’dak relatat ma’ aċċess għal faċilitajiet sportivi u l-infrastruttura tat-taħriġ. Meta mqabbel ma’ Malta, Għawdex ilu jiffaċċja sfidi f’dan ir-rigward, u l-fundaturi tal-klabb kienu jafu sew li t-triq ’il quddiem kienet se teħtieġ dedikazzjoni, riżorsi u paċenzja.
Minkejja dawn l-isfidi, il-klabb baqa’ miexi ’l quddiem, jespandi s-servizzi tiegħu bil-mod il-mod, sabiex jinkludi programmi strutturati fl-għawm, ċikliżmu, mountain biking, ġiri u triathlon. Kienu ngaġġati coaches kwalifikati u t’esperjenza biex imexxu s-sessjonijiet. Ħafna drabi l-iskedi tat-taħriġ kienu adattati b’mod kreattiv biex jagħmlu l-aħjar użu mill-faċilitajiet disponibbli.
Futur sabiħ b’opportunitajiet ġodda
Wieħed mill-iżviluppi l-aktar sinifikanti għall-klabb kien il-ftuħ tal-kumpless il-ġdid tal-pixxina f’Għawdex. Għal snin twal, l-għawwiema tal-klabb kellhom jikkuntentaw b’għażliet limitati ta’ taħriġ, ħafna drabi jaqsmu lejn Malta jew jadattaw għal kundizzjonijiet ta’ barra. Il-kumpless il-ġdid se jibdel dan kollu, u se jippermetti lill-klabb isaħħaħ it-taqsima tiegħu tal-għawm, jespandi l-programmi ta’ coaching u jipprovdi lill-atleti bir-riżorsi meħtieġa biex jagħmlu pass ieħor fl-iżvilupp tagħhom.
Fl-istess ħin, għad hemm numru ta’ faċilitajiet oħrajn li hemm bżonn tagħhom -bl-iktar waħda tkun dik ta’ trakka tal-atletika ta’ livell, li tippermetti lill-atleti Għawdxin jitħarrġu fuq l-istess livell bħall-atleti Maltin. Filwaqt li dejjem se jkun hemm sfidi, il-ħarsa lejn il-futur tibqa’ waħda pożittiva, bl-infrastruttura sportiva gradwalment titjieb u toffri tama għall-futur tal-isport fil-gżira.
Suċċess lil hinn mill-Gżira
Għalkemm għadu fil-bidu, D Sports Lab diġà rnexxielu juri l-potenzjal tiegħu. Minbarra li attira aktar minn 120 membru – xi wħud minnhom ibbażati f’Malta – diversi atleti membri diġà kisbu suċċess fi tlielaq barra minn Malta, u wrew li t-talent Għawdxi għandu postu fix-xena internazzjonali. Oħrajn saħansitra rrappreżentaw lil Malta f’avvenimenti importanti, u mhux biss għamlu unur lill-klabb tagħhom iżda wkoll lill-komunità sportiva Għawdxija kollha.
L-ogħla unur kien dak meta tliet atleti ta’ D Sports Lab: Frank Attard (Triathlon), Michelle Debono (Atletika) u Brandon Sultana (Ċikliżmu), intgħażlu bħala parti mil-kontinġent ta’ 51 atleti Għawdxin għall-Island Games, f’Orkney.
Il-President tal-Klabb, Stephen Grima għandu esperjenza kbira f’dawk li huma l-ħtiġijiet partikolari tal-isport ta’ prestazzjoni. Bħala mountain biker affermat, hu ħa sehem f’xi wħud mit-tlielaq l-aktar diffiċli fid-dinja. Fl-2024 temm l-Andorra Epic, fejn spiċċa fis-7 post fil-kategorija tiegħu u d-59 post minn 230 tim. Huwa kkompeta wkoll fl-Absa Cape Epic fl-Afrika t’Isfel, fejn fl-2025 ipparteċipa flimkien ma’ Brandon Sultana, membru ieħor tal-klabb. Ftit xhur wara, Sultana rrappreżenta lill-Għawdex fl-Island Games f’Orkney, u kiseb esperjenza internazzjonali siewja. Mal-esperjenza ta’ Grima hemm ukoll dik tas-Segretarju tal-Klabb, Anthony Attard, li fl-2024 spiċċa fir-raba’ post fid-Double Ironman – kompetizzjoni meqjusa bħala waħda mill-aktar iebsa, fil-Bretzel Ultra Tri f’Colmar, Franza.
“Ninsab kburi immens b’dak li dan il-klabb irnexxielu jikseb f’perjodu daqshekk qasir,” qal Grima. “Meta bdejna, ridna noħolqu opportunitajiet li aħna stess xtaqna li kellna bħala atleti żgħażagħ f’Għawdex. Illum, mhux biss qed nipprovdu coaching f’diversi dixxiplini sportivi, iżda qed naraw ukoll lill-atleti tagħna jirrappreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali. Dan juri li b’dedikazzjoni, anke minn gżira żgħira b’faċilitajiet limitati, nistgħu nikkompetu mal-aqwa.”
Eċċellenza fil-coaching
Fil-qalba tas-suċċess ta’ D Sports Lab hemm dik li tingħata l-attenzjoni lil coaching professjonali. Il-coaches kollha huma kwalifikati u joffru snin ta’ esperjenza lokali u internazzjonali fid-dixxiplini rispettivi tagħhom. Ta’ min jinnota li ħafna minnhom għadhom jikkompetu fuq livell għoli, u dan iwassal sabiex ikollhom attitudni awtentika u li tassigura li jibqgħu qrib tal-element kompetittiv tal-isport. Din it-taħlita ta’ esperjenza u involviment attiv tagħti lill-atleti l-fiduċja li qed jitmexxew minn individwi li jifhmu r-realtajiet tal-kompetizzjoni.
It-tim tal-coaching
Il-coaches jiffurmaw tim b’saħħtu ta’ esperjenza u ħiliet. Charlton Debono, Michelle Vella Wood u Keira Attard kollha jikkontribwixxu perspettivi uniċi: Debono jmexxi s-sezzjoni tal-atletika fejn jibni fuq il-kisbiet tiegħu biex jispira lill-atleti; Vella Wood, atleta Ironman u Eks Kampjonessa Nazzjonali tat-Triathlon, taqsam għarfien prezzjuż kemm ma’ dawk li jibdew kif ukoll ma’ triatleti avvanzati; filwaqt li Attard, li diġà rrappreżentat lil Malta fil-Commonwealth Youth Games, iżżid id-determinazzjoni u l-għarfien ta’ kowċ żagħżugħa promettenti. Flimkien, huma jiffurmaw line-up li jgħaqqad atleti stabbiliti ma’ talent ġdid, magħqudin fil-missjoni tagħhom li jmexxu u jrawmu l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ atleti Għawdxin.
Trawwim ta’ talent żagħżugħ
Il-klabb għamel ukoll prijorità li joħloq opportunitajiet għall-atleti żgħażagħ, biex jassigura progress kontinwu ta’ talent futur. Fost l-ismijiet promettenti hemm Nina Debono Curmi, ċiklista żagħżugħa li diġà kisbet diversi podji kemm tal-mountain biking kif ukoll tar-road cycling. Il-progress tagħha jenfasizza l-impenn tal-klabb li jrawwem atleti mill-istadji bikrija tagħhom, u jipprovdilhom pedamenti sodi u toroq ċari għal suċċess.
Inklużjoni fil-qalba tal-klabb
Importanti wkoll li D Sports Lab qiegħed it-trasparenza u l-aċċessibbiltà fiċ-ċentru tal-missjoni tiegħu. Il-klabb hu miftuħ għal atleti fuq firxa wiesgħa ta’ kapaċitajiet, minn dawk li qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fl-isport sa oħrajn li qed ifittxu prestazzjoni ta’ livell għoli. Kull individwu huwa mħeġġeġ javvanza bil-pass tiegħu, bi programmi mfasslin apposta għal bżonnijiet u aspirazzjonijiet differenti. “Kemm jekk xi ħadd jingħaqad biex itejjeb il-fitness tiegħu, jiskopri dixxiplina ġdida, jew jimmira għal rappreżentanza nazzjonali, huwa milqugħ fl-istess ambjent ta’ appoġġ u mmexxi minn coaches esperti li jassiguraw li kull atleta jħossu parti minn dan il-vjaġġ,” irrimarka Grima.
Mudell ta’ tkabbir sportiv
Fi tliet snin biss, D Sports Lab kiber minn idea ta’ start-up għal pilastru tal-komunità sportiva Għawdxija. L-istorja tal-klabb hija waħda ta’ perseveranza, sforz komunitarju u fidi fil-potenzjal ta’ atleti ta’ kull età u kapaċità.
B’faċilitajiet imtejbin u rekord ta’ suċċess kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, il-futur jidher wieħed promettenti. “Għawdex forsi għadu ma jilħaqx lil Malta f’dik li hi infrastruttura sportiva, iżda grazzi għall-viżjoni u l-impenn ta’ dan il-klabb u l-Kumitat tiegħu, għandu xi ħaġa daqstant prezzjuża: komunità sabiħa fejn l-atleti jistgħu joħolmu, jitħarrġu u jirnexxu,” qal Grima.
//= $special ?>