Opinjoni

OPINJONI: L-ANZJANI – Niġġieldu l-abbuż fil-konfront tagħhom

F’nofs din il-ġimgħa ċċelebrajna l-Jum Dinji tal-Anzjani. Għalhekk, nieħu din l-okkażjoni biex, flimkien mal-PN u l-Kap Alex Borg, insellmu lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna

Paula Mifsud Bonnici
Ix-Shadow Minister
għall-Anzjanità Attiva

Dan filwaqt li nirringrazzjawhom tal-istorja li kitbu u li għad iridu jiktbu f’pajjiżna, kif ukoll tal-kontribut sħiħ li taw u li għadhom qed jagħtu ta’ kuljum.  
Kien biss bil-bżulija tagħhom li llum għandna pedamenti sodi f’pajjiżna. Kien biss bl-isforzi u d-dedikazzjoni tagħhom li llum pajjiżna jista’ jitqies bħala pajjiż żviluppat. Nemmen bis-sħiħ li llum għad għandna bżonn l-għarfien u l-għerf tagħhom biex pajjiżna jibqa’ jiżviluppa.
Madankollu, mhux kollox huwa ward u żahar għall-anzjani tagħna, l-aktar għal dawk li qegħdin isofru minn xi forma ta’ abbuż. L-abbuż fuq l-anzjani huwa sfida li qegħda tikber b’mod allarmanti kemm fuq livell globali kif ukoll fuq livell nazzjonali.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (l-WHO) tistma li wieħed minn kull sitt anzjani madwar id-dinja esperjenzaw xi forma ta’ abbuż li jikkorrispondi għal madwar 141 miljun vittma kull sena madwar id-dinja.
Dan l-abbuż jista’ jkun ta’ natura psikoloġika, fiżika, finanzjarja, sesswali, kif ukoll negliġenza u dawn it-tipi differenti ta’ abbuż kollha jwasslu għal impatt negattiv fuq il-benesseri tal-vittmi.
L-anzjani f’Malta mhumiex eċċezzjoni u allura nara li hemm bżonn ta’ kampanja pubblika biex l-anzjani nfushom u n-nies ta’ madwarhom ikunu iktar konxji ta’ diversi forom ta’ abbuż li jistgħu jgħaddu minnu l-anzjani, kemm dawk li għadhom jgħixu fi djarhom u dawk li nġabru fid-djar residenzjali.
Minn ċifri li joħorġu mid-diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt, jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-anzjan huwa target ‘tajjeb’ għal min irid jabbuża minnu.
Is-sena l-oħra biss saru 1,627 rapport lill-Pulizija dwar reati kriminali li tagħhom sfaw vittmi persuni anzjani ta’ 65 sena jew aktar. Skont il-Pulizija stess, in-numru ta’ anzjani li sfaw vittmi ta’ dawn ir-reati jista’ jkun ferm akbar għaliex rapport wieħed jista’ jinvolvi aktar minn vittma waħda.
Fost dawn ir-reati għandek 570 minnhom li jinvolvu serq, 159 minnhom li jinvolvu vjolenza domestiku u 285 minnhom li jinvolvu frodi fuq l-anzjani. U minn jaf kemm għandna aktar anzjani li qed jiġu abbużati għax jibqgħu lura milli jirrapportaw l-abbuz għaliex jibzgħu mill-konsegwenzi.

Misruqa minn familthom stess
Iltqajt ma’ anzjani li sfaw misruqa anke minn membri tal-familja tagħhom stess imma jibżgħu jirrapportaw għaliex jibżgħu li jiġu abbandunati mill-familjari tagħhom.
Iltqajt ma’ anzjani li sfaw misruqa jew maħqura minn min suppost qed jieħu ħsiebhom fid-dar tal-anzjani fejn jgħixu imma jibqgħu siekta għaliex jibżgħu li jiġu abbandunati.
U allura kemm qed nagħmluha faċli għal dawn l-anzjani li jersqu ’l quddiem? Kemm għandna verament liġijiet li qed iħarsu lill-anzjani tagħna u l-aktar nies vulnerabbli minn kull abbuż?
Meta ser ikollna reġistru ta’ dawk il-persuni kollha li jinstabu ħatja li wettqu xi forma ta’ abbuż fuq l-anzjani tagħna? Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg ser ikun qed jara li tiġi indirizzata bis-serjetà l-problema tal-abbuż fuq l-anzjani.
Ser ikun qed jara li jitwaqqaf dan ir-reġistru jekk Gvern Laburista’ jibqa’ ma’ jagħmlux u ser ikun qed jara wkoll li jkollna liġijiet adegwati li jipproteġu aktar lill-persuni anzjani u persuni vulnerabbli.
Sfortunament ukoll, f’pajjiżna l-anzjani qed jaffaċċjaw piżijiet tal-għoli tal-ħajja, fil-prezzijiet tal-ikel u l-mediċini, b’pensjonijiet li ma għadhomx aktar adekwati. Anzjani li bil-kemm jifdlilhom flus biex jixtru mediċini li huma kostretti jixtru jew għax huma out of stock jew għax mhumiex fuq il-formularju.
Gvern ġdid Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-politika tal-prevenzjoni u għaldaqstant ser ikun qed jara li l-anzjani jkollhom it-tabib b’xejn f’darhom stess u dan biex jagħmilha aktar faċli għall-anzjani li jieħdu ħsieb saħħithom u jipprevenju l-mard jew xi forma ta’ kundizzjoni medika.
Il-Partit Nazzjonalista, illum aktar minn qatt qabel anki għall-enerġija li ġab mieghu l-Kap Alex Borg, ser jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jkompli jħaddan politika favur anzjanità attiva li permezz tagħha l-anzjani jistgħu jibqgħu attivi anke fid-dinja tax-xogħol wara li jirtiraw.  
Ser nibqħu impenjati li nkomplu nżidu l-pensjonijiet u allowances għall-anzjani tagħna, bħalma dejjem għamilna, biex l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja komda u jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum.
Ser naraw li l-anzjani jkollhom aktar mediċini b’xejn għalihom. Irridu nkunu ta’ sostenn ukoll għall-familji tagħhom speċjalment ta’ dawk li jbatu mill-marda tad-dimensja li kulma tmur qegħda dejjem tiżdied f’pajjiżna.
Investiment akbar fil-kura tad-dimensja ssarraf f’aktar u aktar anzjani li jibqgħu jgħixu d-dar mal-familji tagħhom.
Nixtieq fl-aħħar nett insellem lil min jaħdem f’dan il-qasam għall-impenn u d-dedikazzjoni kbira favur l-anzjani tagħna kif ukoll għall-għaqdiet kollha tal-anzjani li qed ikunu l-vuċi tal-anzjani f’pajjiżna, speċjalment ta’ dawk li ma għandhomx min jiddefendihom.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti fuq politika li toffri ħajja indipendenti u ta’ kwalità lill-anzjani kollha.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ Otttubru, 2025.