Marco Bonnici
Il-President tal-Malta Union of Teachers (MUT)
Ftit tal-jiem qabel il-ftuħ kellna komunikazzjonijiet fil-midja mill-Gvern dwar xogħlijiet li saru fl-iskejjel fis-sajf kif ukoll dwar l-investiment fit-tagħmir diġitali għall-istudenti.
Iżda xi jfissru dawn ix-xogħlijiet fl-iskejjel u t-tagħmir diġitali għall-istudenti? Ma smajna xejn dwar is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ edukaturi, iżda dan ifisser li l-problema tan-nuqqasijiet hi solvuta?
Xogħlijiet fl-iskejjel
Għalkemm inbnew ħafna skejjel ġodda, il-maġġoranza tal-iskejjel tal-Istat huma binjiet li għandhom ħafna snin.
Dan jgħodd l-iżjed għall-iskejjel primarji li nsibu fil-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Kull min mess ma’ propjetajiet li għandhom ħafna snin jaf li l-manutenzjoni tagħhom hi kkumplikata ferm u tiswa ħafna flus meta tikkumparaha ma’ bini ġdid.
Semmejna kemm-il darba li l-amministrazzjoni ma għandhiex tibqa’ ffukata fuq il-bini ta’ skejjel ġodda biss u għandha tħares ukoll lejn il-manutenzjoni tal-binjiet eżistenti. Dan qed iseħħ, hekk kif tħabbar mill-Gvern, iżda qed joffri sfidi mhux żgħar.
L-ikbar waħda tikkonċerna l-arja kundizzjonata, li llum saret parti mill-ambjenti kollha li ngħixu fihom. Binjiet li għandhom iż-żmien mhux dejjem jippermettu l-installazzjoni ta’ dan it-tagħmir b’faċilità. Barra minn hekk is-sistemi tal-elettriku f’ċerti skejjel kif ukoll f’ħafna lokalitajiet mhux dejjem jifilħu għal bini kbir b’sistemi ġodda ta’ arja kundizzjonata. Hu għalhekk li f’ċerti zoni jeħtieġ li jiġu installati substations tal-operatur tas-servizz sabiex jissaħħaħ l-elettriku fiz-zona.
Relatat ma’ dan hemm il-ħtieġa li l-bjut tal-iskejjel jintużaw b’mod effettiv sabiex jiġġeneraw l-enerġija bil-pannelli solari. Il-pannelli solari jtaffu parti mid-domanda tal-elettriku tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata u ż-żewġ sistemi jeħtieġu lil xulxin. Ma rridux ninsew lanqas l-iskejjel li huma relattivament ġodda iżda li jeħtieġu manutenzjoni.
Kulħadd jaf li binja ġdida teħtieġ l-attenzjoni, speċjalment fl-ewwel snin li tinbena. Prattiki li ġieli esperjenzajna – li ladarba nfetħet l-iskola din tintesa – huma ħżiena u għandhom jibqgħu jiġu indirizzati wkoll.
Tagħmir diġitali għall-istudenti
Kif imħabbar mill-Gvern, fiż-żmien li ġej se jitqassmu l-laptops lill-istudenti mis-seba’ sena ’l fuq. Dan hu investiment importanti li jindirizza kemm il-ħtieġa tal-għarfien diġitali kif ukoll il-qasma eżistenti bejn dawk li għandhom aċċess għal dan it-tagħmir u dawk li ma għandhomx dan l-aċċess.
Bħal kull għodda li jista’ jkollna, l-importanti hu dak li se jsir b’din l-għodda. Sal-lum smajna biss dwar it-tagħmir iżda ma smajniex dwar kif se jintuża, speċjalment xi prekawzjonijiet se jittieħdu sabiex jintuża sew. Illum għandna esperjenza ta’ diversi snin minn meta l-istudenti bdew jingħataw tablet mir-raba’ sena sas-sitt sena tal-primarja.
Din l-esperjenza għandha tgħinna sabiex nagħrfu x’inhu l-aħjar użu ta’ dan it-tagħmir il-ġdid li se jingħata. Għal dan il-għan f’dawn il-jiem qed isiru laqgħat bejnna u l-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex issir diskussjoni wiesgħa dwar l-użu ta’ dan it-tagħmir, ir-responsabbiltajiet u l-aspett edukattiv iktar milli dak diġitali.
In-nuqqas ta’ edukaturi
Is-sena skolastika tidher li bdiet mingħajr nuqqas evidenti ta’ edukaturi fil-klassijiet. Dan iżda ma jfissirx li solvejna l-problema li kellna matul dawn l-aħħar snin. Skont l-aħħar informazzjoni hemm lista twila ferm ta’ studenti li qed jistennew is-sapport ta’ LSE wara li qed jgħaddu mill-proċess imsejjaħ “statementing” tal-istess Ministeru tal-Edukazzjoni.
Jidher li meta mqabbel mas-snin ta’ qabel dan in-numru żdied ferm, u tajjeb li wieħed janalizza r-raġunijiet għalfejn fis-settur qed nesperjenzaw żieda qawwija fit-talbiet għall-għajnuna tal-LSEs. Relatata ma’ dan hemm ukoll is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ għalliema.
Għalkemm minn barra jista’ jidher li ma għandniex klassijiet mingħajr għalliema, jew il-każijiet li għandna huma temporanji, fil-fatt biex seħħ dan kollu kellu jsir kompromess billi f’numru sostanzjali ta’ klassijiet fil-primarja n-numru ta’ studenti li jeħtieġu l-għajnuna u għaldaqstant LSE li jissapportjahom hu iżjed minn dak maħsub.
Kieku dan ma seħħx, kieku kien ser ikollna numru sew ta’ klassijiet – madwar erbgħin klassi fil-primarja – li kienu se jkunu mingħajr għalliema.
Is-sitwazzjoni fis-sekondarja hi kkontrollata wkoll minħabba provedimenti li qed isiru. F’numru ta’ suġġetti, inklużi l-Matematika, l-Ingliż u suġġetti oħra, ħafna għalliema għandhom il-load massima u għaldaqstant m’hemm l-ebda spazju fit-time-table għal xogħol ieħor fl-iskejjel li hu essenzjali.
Aħna ninsabu grati ferm lejn l-edukaturi kollha li qed jerfgħu dawn il-piżijiet minħabba n-nuqqasijiet ta’ għalliema, iżda jeħtieġ li nibdew inwiżnuhom, għax din qed issir sitwazzjoni ripetuta sena wara l-oħra.
F’isem sħabi l-uffiċjali, il-kunsill u l-istaff tal-MUT nawgura s-sena skolastika t-tajba lill-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>