Opinjoni

OPINJONI: Wara t-tariffi… nistennew u naraw l-iżviluppi

Ferdinand Mount
Trump diġà qed jipprova jnaqqs mill-impatt tat-tariffi

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Fl-1516 Erażmu ta’ Rotterdam (li miet fl-1536) ippubblika l-ktieb “Istitutio Principis Christiani” (L-Edukazzjoni tal-Prinċep Nisrani). Intenzjonat sabiex jgħaddi numru ta’ pariri lil min jrid jirrenja poplu bi prinċipji nsara. Fost d-diversi huwa jinsisti li min imexxi jrid ikun attent sabiex ma jimponix taxxi jew tariffi iebsa fuq il-bnedmin. Dan għaliex piżijiet bħal dawn jagħmlu l-ħajja aktar diffiċli u kumplikata. Jagħti wkoll il-parir sabiex jekk verament hemm bżonn, dawn għandhom jiġu imposti fuq dawk il-prodotti li huma l-aktar lussużi. Dawk l-oġġetti li jinxtraw minn dawk li għandhom il-flus u allura dawk li jifilħu jħalsu għal dawk il-piżijiet ekonomiċi.

Diskussjoni

Fil-ħarġa ta’ Awwissu ta’ din is-sena tal-“London Review of Books” hemm reċensjoni mill-iktar interessanti tal-kittieb Ferdinand Mount (1939) dwar proprju dan is-suġġett. Jitratta taħt it-titlu “Biff-Bang” żewġ kotba. L-ewwel dak ta’ Ben Chu (1979) “Exile Economics: If Globalisation Fails” (Mejju 2025) u t-tieni ta’ Robert Lighthizer (1947) “No Trade is Free: Changing Course, taking on China and helping American Workers.” (Awwissu 2023). Fih jiddiskuti minn sfond storiku kif diversi ħaddmu u ġustifikaw fil-passat l-użu tat-tariffi fuq prodotti ġejjin minn stati oħra. Parti f’ħafna mill-politika nazzjonali tagħhom skont iċ-ċirkostanzi u l-alleanzi.  Anki fil-ħsieb li dan seta’ jgħin aktar lill-ekonomija interna billi żżomm l-oħrajn barra. Dan għaliex il-ħsieb kien li jekk jidħlu prodotti aktar irħas fil-pajjiż minn barra jispiċċaw joqtlu l-industrija lokali.

Id-dinja

Fiż-żewg kotba – l-aktar fl-ewwel wieħed – hemm analiżi storika u f’dik tat-tieni, aktar ġustifikazzjoni ta’ ħidmet il-President Amerikan attwali Donald Trump. Fl-ewwel insibu li kif jgħid Mount: “Through the Middle Ages, there seems to have been a presumption that unimpeded, if not untaxed, trade was a good thing.” (Fil-Medjuevu, jidher li kien hemm presunzjoni li negozju mhux ostakolat jew intaxxat, kienet ħaġa tajba.) Aktar tard senjatament taħt Enriku Tmienja tal-Ingilterra u Eliżabetta daħlet aktar il-linja li pajjiż kbir irid ikollu protezzjoniżmu fil-forma ta’ nazzjonaliżmu fuq il-prodotti tiegħu. Hekk ħasbu u baqgħu għal sekli jaħsbu li b’dan il-mod għandu jikber u jitkattar il-kummerċ.

Iżda d-dinja nbidlet…

Wara sekli kellna l-GATT (General Agreement on Tariffs and Trade) u wara l-WTO (World Trade Organisation)… istituzzjonijiet fejn diversi tariffi spiċċaw. Infetaħ kapitlu ta’ negozju liberu u li fih beda proċess li nidentifikaw aħjar bħala globalizzazzjoni. Stati ssudaw lilhom infushom. Oħrajn irnexxilhom ukoll inaqqsu l-faqar fost il-popli tagħhom. Iżda wħud ma kinux biżżejjed attenti għal dak li kien għaddej u d-diffikultajiet li kienu qed jinħolqu lil setturi varji. Il-kompettitività ta’ prodott f’pajjiż kien qiegħed jirbaħ skont ir-regoli tal-kummerċ liberu f’oħrajn. Proċess li f’ċertu dimensjoni għaddejna aħna wkoll minnu. L-istat li jiġi identifikat speċjalment fil-ktieb ta’ Lighthizer kien – u li għalih ħa l-iktar benefiċċju intelligenti – kien u huwa ċ-Ċina. Sar progress kbir u li ħafna f’pajjiż kbir bħall-Istati Uniti baqgħu ma aċċettawx.

Il-miżuri tal-lum

Kif segwejna, għalkemm bħalissa hemm xi forma ta’ stabbiltà, din it-tieni Presidenza ta’ Donald Trump għamlet mit-tariffi użu politiku wkoll. Aktar ma jiżdiedu, hemm il-ħsieb li dan il-pajjiż jieħu lura saħħa politika u finanzjarja. Iżda r-realtà hija ftit differenti. Ma hemmx dubju li d-dazji tripplaw u issa daħlu madwar tmienja u għoxrin biljun dollaru fil-kaxxa. Biss, fuq in-naħa l-oħra, il-piż qiegħed jgħaddi naturalment fuq il-poplu. Ferdinand Mount jgħidilna: “ It is slowly dawning on the American public that, at the end of these tedious tussles, they are likely to be paying around 15 % more for their imports (18.2%is Chu’s latest average figure, up from a mere 2-4% under Biden, and the highest level since 1934). Trump is already trying to soften the blow by hinting at some form of cashback from the Treasury to the US Taxpayers which would only make the whole exasperating carousel seem more pointless still.” (Qiegħed, ftit, ftit, jidħol f’moħħ il-pubbliku Amerikan li, fl-aħħar ta’ dawn il-kwistjonijiet komplikati, se jkunu qed iħallsu madwar 15% iktar fuq dak li jiġi impurtat (18.2% hija dak li Chu jikkalkula, u dan minn 2/4% taħt Biden, u l-għola mill-1934). Trump diġà qiegħed jipprova jnaqqas mill-impatt ta’ dan u qiegħed jara kif iħallas f’xi forma ta’ pagament lill-poplu mit-Teżor lil dawk li jħallsu t-taxxi  li ser tagħmel il-pożizzjoni iktar eżasperanti u bla sens.

F’ħafna sens

Il-ktieb ta ‘ Robert Lighthizer fil-realtà jiftaħ aktar l-għajnejn dwar dak li qiegħed iwassal lil Donald Trump f’dan il-konflitt bl-użu tat-tariffi. Dan l-aktar fl-analiżi ta’ ħidmet iċ-Ċina u l-iżvilupp veloċi tagħha. Huwa jiddikjara li kien żball li tħalli lil dan l-pajjiż fil-WTO u jigi trattat daqs kull pajjiż liberu (free market) ieħor. Huwa jikkonkludi: “The result was that millions of well-paid jobs in US manufacturing disappeared, as more and more work was out sourced and offshored. China flooded every market with cheap goods and the wages of American workers stagnated or sank.” (Ir-riżultat kien li miljuni ta’ impjiegi mħallsa tajjeb fil-manifattura Amerikana sparixxew, u aktar u aktar xogħol ġie mgħoddi lil oħrajn. Iċ-Ċina mliet is-swieq tad-dinja bil-prodotti rħas u l-pagi tal-ħaddiem Amerikan waqfu jew niżlu ’l isfel.)

L-Arloġġ

Ħafna f’dan jaħsbu li l-arloġġ tista’ ddawru lura u dawn huma l-pariri u l-ideat li l-President Donald Trump qiegħed isegwi. Forma ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-passat fejn dawn kienu hemm. Fejn kien hemm min seta’ ħaseb li b’daqshekk il-pajjiż se jistana jew jibqa’ b’saħħtu ekonomikament. F’dan però hemm il-verità li l-pożizzjoni nbidlet. Daret sew u drat taħdem mingħajr tariffi. Il-libertà fil-kummerċ tikber u tissoda f’ħafna pajjiżi u popli. Aktar ma wieħed f’dan jaqra u janalizza, wieħed jifhem li f’xi mument dawn it-tariffi jerġgħu jitneħħew. Il-kompetizzjoni titlob li kull poplu jkun kapaċi li jibni l-kundizzjonijiet interni t-tajba sabiex dak li jiġi prodott ikun fost l-aqwa u l-aktar kapaċi li jinxtara. Prezz u kwalità li jirbħu fuq linji li jistgħu jidhru temporanjament tajba iżda ċertament mhux fit-tul. Aħna f’dan se nintlaqtu  bit-tariffi li ġew imposti. Irridu però nifhmu li pajjiżna jrid f’dan iż-żmien jassigura li l-industrija tagħna tikber biex tkun kapaċi tirbaħ – sija aktar fis-swieq tal-lum u f’dan tibni l-kapaċità f’dak ta’ għada. F’dak il-jum meta t-tariffi jitneħħew mill-ġdid.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 7 ta’ Ottubru, 2025.