Matul il-jum tat-Tlieta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar il-kwartieri tal-UĦM fejn iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the workers Josef Vella u ma’ delegazzjoni tal-union. Dan hekk kif iż-żewġ naħat iddiskutew proposti li jindirizzaw sfidi konkreti li qed jaffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin.
Matul din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, tenna illi l-proposti li qed tressaq il-UĦM huma simili ħafna għal dawk li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista rigward is-settur tal-ħaddiema u l-kwalita tal-ħajja tal-familji – Similarjitajiet illi juru li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista qed tirrifletti l-ħsibijiet tal-imsieħba soċjali.
Fil-laqgħa, ġew diskussi anke l-proposti li ħareġ il-Partit Nazzjonalista dwar it-taxxa, u l-proposta biex l-overtime u l-COLA ma jkunux intaxxat.
Ġie diskuss ukoll it-trasport bejn Malta u Għawdex biex tissaħħaħ il-konnettività; xi ħaġa li qed taffettwa lill-ħaddiema Għawdxin li jaqsmu lejn Malta.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, saħaq li l-Gvern jeħtieġ ikun aktar ċar fuq numru ta’ aspetti soċjali u fiskali.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia u x-Shadow Minister għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo.