Fil-Qorti, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkundannat lil Maurice Galea, għal sentenza sospiża wara li ammetta li fil-kapaċità tiegħu ta’ direttur tas-soċjetà In-Laws Limited approprja ruħu minn fondi pubbliċi billi ma ħallasx lid-Dipartiment tal-VAT is-somma ta’ €21,861.45 bejn l-2006 u l-2010.
Waqt l-udjenza Galea ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, u wara li ġie mħeġġeġ mill-Qorti dwar il-konsegwenzi ta’ din it-tweġiba baqa’ jżomm mal-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti, filwaqt li rrimarkat dwar in-natura serja tar-reat u l-ammont mhux żgħir frodat lill-Erarju, qieset ukoll iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, fosthom il-fatt li l-proċeduri kienu ilhom sejrin kważi 20 sena.
Qalet ukoll li d-dewmien ma setax jingħad li kien tort tal-imputat. Għaldaqstant, filwaqt li ma kellhiex triq oħra ħlief li ssibu ħati, il-Qorti kkundannatu għal sentejn priġunerija iżda bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali ordnat li l-piena tiġi sospiża għal tliet snin.
Galea ġie ordnat ukoll li jirrestitwixxi s-somma ta’ €21,861.45 lill-Kummissarju tat-Taxxa u Dwana fi żmien tliet snin. B’dan il-mod, il-Qorti rat li s-sentenza sospiża flimkien mal-obbligu ta’ ħlas lura kienet l-aktar soluzzjoni proporzjonata fid-dawl tas-snin twal li għaddew minn meta saru l-fatti u tal-ammissjoni magħmula mill-imputat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Maurice Curmi.
//= $special ?>