Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, xehdet mara li tilfet il-flus kollha li kienet faddlet matul ħajjitha wara li investiet aktar minn €53,000 f’sistema ta’ investiment li rriżultat frodi sofistikata mibnija fuq ‘deepfake videos ‘ta’ personalitajiet politiċi.
L-allegata vittma qalet li kienet rat fuq Facebook filmat fejn deher il-Prim Ministru Robert Abela jirrakkomanda skema ta’ ‘trading’. Ftit jiem wara rat ukoll filmati simili b’Simon Busuttil, Joseph Muscat u Ursula von der Leyen li kienu jħeġġu lill-Ewropej jinvestu.
Il-mara spjegat kif, wara li kklikkjat link u tat in-numru tagħha, ġiet ikkuntattjata minn numru b’prefiss +44 u ġiet imħeġġa tinvesti €250. Kien hemm ukoll pressjoni biex tipprovdi d-dettalji bankarji tagħha. Meta l-ewwel tranżazzjoni falliet mill-bank BNF, irnexxielha tagħmilha permezz tal-kont HSBC tagħha.
Minn hemm ‘il quddiem, bdiet tiġi kkuntattjata minn mara li sejħet lilha nnifisha “Maria Lipinski”, li ppreżentat ruħha bħala financial advisor u bdiet tibni relazzjoni ta’ fiduċja magħha permezz ta’ Telegram. Lipinski, li anki talbet lill-vittma tinstalla AnyDesk fuq il-laptop biex ikollha aċċess remot, wissietha biex tħares lejn l-“andament tal-profitti” fuq pjattaforma ta’ trading bl-isem Wealth Xpert.
Filwaqt li kienet tidher qisha qed tagħmel profitt żgħir kuljum, kienet imħeġġa tinvesti ammonti ferm ikbar. Il-vittma finalment għaddiet €25,000 fi flus kontanti f’laqgħa f’Misraħ iż-Żurrieq ma’ kurrjer, u sussegwentement tat aktar flus fi tliet okkażjonijiet oħra, sakemm fl-aħħar tilfet total ta’ €53,250.
Kull darba kienet assigurata li l-profitti kienu qed jiżdiedu, iżda meta ppruvat tiġbor lura l-flus, ġiet mgħarrfa li l-kontijiet kienu “iffriżati” u li kienet teħtieġ tħallas aktar biex jiġu rilaxxati. Fi stadju minnhom saħansitra rċeviet theddid minn persuna li allegatament kienet tgħid li qed issejħilha minn bank Ewropew, li qalet li setgħet tiġi mixlija b’ħasil ta’ flus jekk ma tħallasx €20,000 oħra.
Meta l-vittma wriet dan kollu lil bintha, din mill-ewwel indunat li l-messaġġi kienu test iġġenerat minn ChatGPT, u għarfet is-scam. Il-każ tressaq għand il-‘Financial Crimes Investigation Department’ li organizza controlled delivery billi l-vittma ngħatat €10,000 fi flus faloz u ntalbet tgħaddihom lill-persuna suspettata.
Meta l-akkużata, Kateryna Izotkina, ċittadina Ukrena, marret biex tiġbor il-flus, kienet arrestata mill-Pulizija fuq il-post. Ix-xhud qalet fil-Qorti li qatt qabel ma kienet rat lil Izotkina u li l-kuntatti tagħha kienu kollha ma’ “Lipinski”. Wara l-arrest, irċeviet theddid minn Lipinski stess.
Izotkina qed tiġi akkużata b’ħasil ta’ flus, frodi, qliegħ frawdolenti u involviment fi ħtif kriminali organizzat. Hija ċaħdet il-ħtija.
Il-każ għadu għaddej u mistenni jkompli aktar tard dan ix-xahar. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
//= $special ?>