Raġel ta’ 26 sena li jinsab Malta bħala turist wieġeb mhux ħati għall-akkużi li allegatament mess b’mod indeċenti mara f’Paceville, fil-klabb Footloose. L-imputat, Jason Tran, turist Ġermaniż, tressaq il-Qorti akkużat li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma, li soġġettaha għal intimità fiżika u ġesti b’konnotazzjoni sesswali. Hu kien akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi ħfief lis-sieħeb tal-mara u li kien fis-sakra f’post pubbliku.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispettur Dylan Pace. L-Avukat Kris Balzan deher għall-akkużat.