Lokali Qorti

Żball tal-prosekuzzjoni jillibera persuna akkużata li saqet taħt l-effett tax-xorb

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ħelset minn kull akkuża lil Marcello Michele Biundo, ta’ 52 sena residenti Tas-Sliema, li kien qed jiffaċċja sitt akkużi relatati ma’ sewqan taħt l-effett tax-xorb u rifjut li jagħmel test tan-nifs.

Il-proċess kien dwar inċident li seħħ fis-sigħat bikrin tat-23 ta’ Diċembru 2023, fi Triq Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid, fejn l-akkużat kien ukoll mixli b’sewqan perikoluż u ħsara fuq proprjetà ta’ Infrastructure Malta. Minkejja dan, il-Qorti waqqgħet il-każ kollu minħabba żbalji kritiċi fil-provi dokumentarji tal-prosekuzzjoni.

Fl-affidavit sottomess minn surġent tal-Pulizija, l-akkużat ġie identifikat biss bħala “Marcello” fuq l-ewwel paġna tal-akkuża, mingħajr kunjom jew identifikazzjoni ċara. Barra minn hekk, fit-tieni paġna tal-istess dokument, kien hemm referenza għal persuna bl-isem “Massimo”, li allegatament kienet irrifjutat l-assistenza legali u ma riditx tagħmel it-test tal-breathalyser.

Il-Qorti qalet li dawn l-inkonsistenzi serji jfissru li l-affidavit ma setax jitqies affidabbli, għaliex ma kienx jidentifika b’mod ċar lill-imputat. Għaldaqstant, Biundo, li għażel li ma jixhidx, ġie meħlus minn kull ħtija. Il-każ twaqqa’ qabel mal-prosekuzzjoni setgħet titlob revoka tal-liċenzja tas-sewqan jew tnaqqis ta’ punti penali, kif kien previst.

Din id-deċiżjoni ġiet ukoll f’kuntest politiku delikat, hekk kif il-Parlament bħalissa qed jiddiskuti abbozz ta’ liġi dwar regolamenti tat-traffiku li għandu l-għan li jsaħħaħ l-infurzar kontra s-sewqan taħt l-effett tax-xorb u tad-droga.