Lokali

“Determinati li nġibu bidla” – Alex Borg

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo

Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jġib il-bidla li l-gżejjer Maltin tant għandhom bżonn.

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, meta t-Tlieta filgħaxija indirizza l-Assemblea Reġjonali f’Ħal Balzan li nfetħet mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.

Preżenti għal din l-assemblea kien hemm bosta attivisti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fejn Alex Borg irringrazzjahom għall-ħidma tagħhom – li permezz tagħha l-PN ikun jista’ jkompli miexi f’direzzjoni tajba u b’saħħitha.

Huwa sostna, li mingħajr dawn l-attivisti, il-partit żgur ma jkunx dak li hu illum u sejjaħ għall-għaqda u impenn biex il-Partit Nazzjonalista verament ikun il-partit li jġib bidla għall-ġid tal-familji.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello tkellem dwar il-ħidma kontinwa tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikun dejjem eqreb tan-nies. Fejn ħeġġeġ sabiex kull membru jibqa’ konvint mill-missjoni tal-Partit Nazzjonalista għaliex huwa l-partit li qed joffri alternattiva serja.

Waqt din il-laqgħa, kien evidenti wkoll ir-ringrazzjament li wrew l-attivisti lejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, li fi kliemhom stess ġab entużjażmu kbir fil-Partit Nazzjonalista kemm ilu fit-tmun tiegħu.

Din l-assemblea f’Ħal Balzan kienet it-tieni waħda tat-tip tagħha minn numru ta’ laqgħat li qed isiru madwar Malta u Għawdex bħala proċess ta’ tiġdid tal-Partit Nazzjonalista, u bi preparazzjoni għall-Kunsill Ġenerali li se jsir dan ix-xahar.

Dan apparti li għaddejja l-ħidma biex il-Ħadd li ġej tkun organizzata inizjattiva oħra ta’ ġbir ta’ fondi fid-Dar Ċentrali tal-PN.