Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ikkundannat mara ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid disa’ xhur ħabs wara li nstabet ħatja tagħha li fl-25 ta’ Ġunju 2024, bejn nofsillejl u l-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu, fil-lokalità ta’ Ta’ Xbiex, f’post pubbliku jew espost għall-pubbliku, tlajjajt jew għamlet atti bl-intenzjoni li tħajjar għal skop ta’ prostituzzjoni jew għal skopijiet immorali.
Elaine Diacono kienet akkużata wkoll li hi recidiva u nstabet ħatja, fejn il-prosekuzzjoni ressqet l-affidavit tal-pulizija, li kkonfermat sentenza preċedenti kontra l-imputata, deċiża fl-14 ta’ Mejju 2013, li ma ġietx appellata u li r-rapport ta’ ħlas tal-multa kien sar.
Il-Qorti nnotat li l-imputata ma xtaqitx tkun assistita minn avukat u għażlet li ma tagħtix xhieda. Fid-dawl tax-xhieda kollha u tad-dokumentazzjoni ppreżentata, il-Qorti kkonkludiet li l-ewwel kap ta’ akkuża kien ippruvat abbażi tal-affidavit tal-pulizija, filwaqt li t-tieni kap, relatat mar-reċidiva, kien ukoll ippruvat permezz tas-sentenza preċedenti kkonfermata mir-Reġistratur Deputat tal-Qorti Kriminali u tat-Tribunali.
Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Elaine Diacono ħatja ta’ kull akkuża u kkundannatha għal disa’ xhur ħabs effettiv.
//= $special ?>