Raġel ta’ 40 sena ta’ nazzjonalità Etjopjana wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus wara li l-Pulizija wettqu operazzjoni li fiha nstabu 150 pakkett ta’ kannabis u €64,000 fi flus kontanti f’supermarket, fid-dar u fil-vettura tiegħu.
Mamush Birbo Gobena, li għandu kundanni preċedenti u kien akkużat bħala reċidiv, ġie wkoll mixli bi ksur ta’ regolamenti doganali wara li nstabu tmien kartuni sigaretti mingħajr taxxa allegatament għall-bejgħ fil-ħanut tiegħu, b’dazji mhux imħallsa li jaqbżu l-€400.
Barra minn hekk, ġie mixli wkoll b’użu ħażin ta’ kompjuter, pussess ta’ tmien kartuni sigaretti tal-kuntrabandu u ħasil ta’ flus. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-avukat Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur tal-Pulizija Gabria Gatt spjegat kif f’dawn l-aħħar ġimgħat il-Pulizija kienu rċevew informazzjoni li minn ħanut f’San Pawl il-Baħar kienet qed issir traffikar ta’ droga. Il-Pulizija tal-Komunità osservaw il-movimenti fil-ħanut u arrestaw lil Gobena ftit jiem wara, waqt li kien fi triqtu hemmhekk.
Fit-tfittxijiet li saru fil-ħanut, fid-dar tiegħu u fil-karozza tiegħu nstabu droga u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti. F’komunikat ippubblikat is-Sibt li għadda, il-Pulizija kkonfermaw li nstabu 150 pakkett suspettati li fihom kannabis kif ukoll €64,500 fi flus kontanti fil-ħanut.
Fil-Qorti, Gobena wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, ħarġet ordni ta’ ffriżar tal-assi tiegħu. Ma saritx talba għal ħelsien mill-arrest u l-imputat ġie miżmum taħt arrest preventiv. L-Avukati Roberta Bonello u Gianluca Cappitta dehru għall-akkużat.
//= $special ?>