Donna Camilleri l-eks sieħba tal-vittma qalet li biex jiċċajta Salvinu Mangion ġieli kien jgħid lil Kyle Mifsud “għad nisparalek u tispiċċa titfagħni l-ħabs”. Qalet li lilha qatt ma kien jgħidilha dan id-diskors u kien jagħtiha bejn bejn €150 u €200 fil-ġimgħa fejn kienet ikollha x’taqsam miegħu sesswalment bejn darbtejn u tliet darbiet fil-ġimgħa. Qalet li anke Kyle kien imur għandu għal flus.
Camilleri qalet li kien ikun hemm nisa oħra bi problema ta’ droga li jmorru għandu u jagħtihom il-flus biex ikollu x’jaqsam magħhom sesswalment. Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Salvinu Mangion ta’ 71 sena, residenti l-Birgu qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Kyle Mifsud ta’ 33 sena minn Bormla.
Mifsud ta’ 33 sena tilef ħajtu x-xahar li għadda fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn wara li tilef il-ġlieda mal-mewt hekk kif il-Ħadd waranofsinhar tal-21 ta’ Settembru li għadda ntlaqat b’tir ta’ senter tal-kaċċa fl-istonku tiegħu, allegatament tir sparat mill-anzjan. Mangion qed jiġi mixli wkoll b’pusses ta’ arma tan-nar bla liċenzja u li ntużat biex jikkommetti reat. Fi tmiem il-kawża l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest bil-Qorti wkoll tiddikajra li jeżistu biżżejjed provi biex Mangion jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Camilleri qalet li kienet ilha taf lill-vittma għal 14-il sena u kien l-eks sieħeb tagħha. Qalet li l-aħħar darba li ratu kien erbat ijiem qabel l-inċident. Saret taf għax ċemplilha zijuh u qalilha li kienu sparawlu. Kienet ilha ma tkellmu erba’ t’ijiem għax kellhom xi jgħidu, kienet issuppervjat u telqet.
Kommossi fuq il-pedana tax-xhieda qalet li l-ġlied bejniethom kien ikun fuq il-problema tad-droga li kellhom. Tenniet li meta ltaqgħet ma’ Kyle diġa’ kellha problema ta’ droga iżda Kyle kien bilgħaqal iżda wara xi sena li ltaqgħet miegħu anke hu beda jieħu.
Dwar Salvu, qalet li ilha tafu madwar ħames snin u ltaqgħet miegħu fuq bank int u sejjer Ħaż-Żabbar. Kienet staqsietu jekk għandux sigarett u xtralha pakkett u tah xi flus. Minn dak inhar baqgħu f’kuntatt u kienet tmur għandu biex ikollha x’taqsam miegħu sesswalment bejn darbtejn u tliet darbiet fil-ġimgħa.
Qalet li inqas minn 50 ewro qatt ma taha. Saħqet li kien ukoll ħabib tagħha u ġieli kienet tiftaħ qalbha miegħu u tgħidlu fuq il-problemi tagħha u ta’ Kyle. Sadanittant ir-relazzjoni bejn Salvinu u Kyle kienet tajba. Meta kien ikollha x’taqsam sesswalment mal-akkużat normalment Kyle kien joqgħod isfel, u ġieli ma kienx ikun magħha, u kienet tmur waħidha għand Salvinu.
Fuq l-affarijiet sesswali ma’ Salvinu, l-eks sieħeb tagħha, l-vittma – kien ikun jaf kollox. Qalet li kien jagħtiha l-flus għax kien jaraha fl-istat ħażin u wara kienet tieħu d-droga u jgħaddilha. Hi kkonfermat li kienet daħlet id-dar ta’ Salvinu xi sentejn ilu ma’ Kyle fejn kienu faqawlu l-bieb u serqu. Hi u Kyle kienu ammettew u hi kienet kkundannata 19-il xahar ħabs, u li anke l-vittma kien mar il-ħabs u ħarġu mill-ħabs flimkien.
Wara li ħarġet mill-ħabs kienet iltaqgħet miegħu u ħassitha skomda fuq dak li għamlitlu. Imma hu qalilha, “ġej għandi” u hi aċċettat u marret għandu u kellhom x’jaqsmu sesswalment. Kyle ma kienx magħha u kienet qaltlu b’kollox x’kien ġara.
Dwar kemm kien hemm inkontri sesswali ma’ Salvinu kemm qabel marret il-ħabs u anke wara li ħarġet, l-inkontru sesswali dejjem baqa’ konsistenti. Hija qalet li Kyle ġieli mar waħdu għand Salvinu u kien ukoll imur jiġbor il-flus mingħandu. U għal dik ir-raġuni tal-flus kien imur għandu.
Wara xhedet Rita Psaila li toqgħod fil-blokka ta’ fejn seħħ l-inċident, eżattament fis-sular t’isfel. Qalet li semgħet ħoss li ħasbitu murtal. Wara semgħet l-ambulanza ġejja meta dak il-ħin kienet qed tagħmel xi faċendi. Ħarġet titawwal fil-gallarija u rat ħafna Pulizija. Kien hemm magħha r-raġel li kien qed jara il-Formula 1.
Wara kienu marru jħabbtulha l-Pulizija biex jagħmlulha xi domandi u qaltilhom li l-ħoss ħasbitu murtall tal-festa. Dwar l-akkużat qalet li tafu bħala raġel tal-affari tiegħu u ilha tafu għal dawn l-aħħar 30 sena. Qalet li hu jgħix waħdu u ġieli rat lil ibnu għandu iżda qatt ma rat nies oħra għax hi tmur għax-xogħol u kif tasal tidħol ġewwa.
Ix-xhud qalet li dak li taf semgħetu kollu mingħand in-nies u li dan il-persuna li spiċċa ferut qatt ma ratu u ma tafx min hu. Fuq mistoqsija tal-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, li qed tisma’ l-każ kompliet tgħid li ma taf xejn. Hija għarfet fl-awla lill-akkużat u lil ibnu – fejn qalet li lilhom taf.
Wara xehed ir-raġel ta’ Rita Psaila, Raymond Psaila li kkonferma li kien qed jara l-Formula 1 u sema’ ħoss ta’ qiesu murtall u ħareġ fil-gallarija u raha diversi Pulizija. Wara dawn marru jħabbtulha u qalilhom li ma raha xejn. Dwar Salvu, x-xhud qal li huwa raġel sewwa, kwiet u ċajtier.
Raymond Psaila qal li qatt ma raha nies hemm, kull ma kien jara lilu u la ġewwa u lanqas barra qatt ma rah ma xi ħadd. Lanqas ma kien jaf li kellu xi problemi partikolari u lanqas qatt raha xi nisa fil-komun. Sostna li lanqas lill-vittma ma jafux u li qatt ma rah fil-blokka.
Fuq mistoqsija tal-Avukat Franco Debono, x-xhud qal li l-akkużat qatt ma kellu xi jgħid ma’ xi ħadd u dejjem kwiet kien ikun. Sostna li kien sema’ li kienu serquh xi nies. Qal ukoll li ma jafx li l-akkużat kellu xi nkwiet ma’ xi ħadd.
Kien raġel kwiet – qiesu t-tieni missier tiegħi
Wara xhedet Cristin Farrugia li toqgħod ukoll fil-blokka fejn seħħ l-inċident u qalet li dak inhar ma kienitx id-dar. Kif waslet id-dar semgħet li kienet seħħet sparatura li kienu marru tas-CID. Ma kienux ħallewha tidħol id-dar il-Pulizija, u wara ċempel ġar u qal lil binha li kienu qed iħalluhom jidħlu tal-blokka.
Hija qalet li kien imur għand l-akkużat ibnu Jonathan, u kienet tara xi nies għandu. Kienet tkun tpejjep sigarett u tidħol il-ġewwa biex ma tismax. Imma xorta kienet tisma’, lil Salvu jgħidilhom – “ħalluni għax se ġennuni” għax kienu jmorru għandu għal flus – u hi kienet tgħidlu biex imur jirrapporta.
Qalet li kienu jmorru għandu xi nisa għandu u li darba waħda minnhom ħaditilha żarbun u taf għax ratu f’saqajha. Kien hemm waħda li kienet saħansitra qaltilha li għandha problema ta’ droga. Qalet li dan l-aħħar kien qed imur ġuvni għand Salvu u li ġieli rat xi nisa li jmorru għand Salvu. Tenniet li ġieli kienet iċċempel lil ibnu Jonathan fuq dak li kien qed jiġri.
Dwar l-ismijiet tan-nisa li kienu jmorru għand Salvu qalet li hi ma tafx x’isimhom. Qalet li Salvinu kien jgħix mal-mara tiegħu u li iżda mietet xi tmien snin ilu. Minn dawk li kienu jżuruh, qalet ix-xhud – kienu jkunu ġuvni u tfajla. Wara saret taf li jismu Kyle u minħabba fih kienet tibża’ toħroġ fil-gallarija għax jaħseb li qed tissendikah.
Ix-xhud qalet li lil Kyle dejjem kienet tarah mal-istess tfajla. Wara li l-Avukat Franco Debono kompla jistaqsi, x-xhud qalet li kienet tisma’ ħafna taħbit mal-biex tiegħu u hu ma jiftħilhomx. Meta saret is-serqa ma rat xejn, imma semgħet ħafna storbju. Kienet inkwetanti għal kull min joqgħod fil-blokka fuq dawn it-tnejn minn nies.
Dwar taż-żarbun li sequlha, x-xhud qalet li ma kienitx Donna Camilleri li ħaditulha. Sostniet li fl-aħħar xahrejn il-vittma kien imur kuljum għand Salvu. Kienet tarah hemm għal ħin twil u dan għax hi ma taħdimx. Kien imur kważi prattikament kuljum.
Qalet li kienet tmur in-neputija għandha u kienet titla’ tiġri t-taraġ għax kienet tibża’ bl-istorbju li kien isir u li l-ġirien kienu qed jiddejjqu għax kienu jmorru għal flus għad-droga u ġieli semgħet lil Salvu jibki. Qalet li għaliha kien it-tieni missier tagħha, u kien saħansitra anke ibajdilha d-dar,
Wara xehed Don Farrugia li qal li dak inhar ma kienx hemm u baqħu barra. Tenna li ġieli kien jara dan l-aħħar lil Kyle isfel. Kien jarah waqt li kien ikun ħiereġ għax-xogħol. Sa kemm seħħ l-inċident ma kienx jaf l jismu Kyle. Tenna li bejniethom tal-blokka kienu jgħidu – “x’borma daħal fiha Salvu!”
Kienu jisimgħu taħbit anke għal nofs siegħa sħiħa. Jiftakar ukoll li iktar minn sentejn ilu kienu daħlulu fl-appartament. Ma kienx jaf għaliex kienu jmorru għandu. Kien jisma’ mingħand in-nies u li jmorru għandu għall-flus. Dwar l-akkużat qal li kien raġel kwiet u jgħid bonġu u daqshekk.
Ix-xhud qal li lil ommu kienu ħadulha xi żraben fejn sabet xi żewġ pari neqsin. Huwa kkonferma li f’dan l-aħħar xahrejn hu nzerta lill-vittma xi tliet darbiet. Qal li fil-komun kien jara lil Kyle isfel. Tenna li kienu jiddejjqu l-ġirien għax mhux atteġġament normali li xi ħadd joqgħod iħabbat il-bibien.
Xhud ieħor kien Nazzareno Calafato li wkoll jgħix fil-blokka ta’ fejn jgħix Salvu u li dak inhar li kien il-Ħadd ma sema’ xejn għax kien rieqed u qam xis-1pm. Huwa joqgħod fis-sular t’isfel u ħareġ u raha l-ambulanza. Ġar tiegħu qallu li kien hemm inċident fejn sparaw, u li kien involut Salvu li huwa bniedem ċajtier.
Qal li kien jara persuna isfel u kien jara xi nisa neżlin u Salvu ma kienx ikun hemm. Qal li daqqa jien jara waħda u daqqa l-oħra. Waħda minnhom, qal ix-xhud raha l-Qorti. L-iktar li kien jara qal dik li kienet l-Qorti, b’referenza għal Donna Camilleri. Meta kien imur jimxi ġieli kien jara ġejja ma’ Salvu.
Ix-xhud qal li kien hemm mara, mhux Donna – li ġieli kienet tgħajjatlu b’ismu. Sostna li l-akkużat qatt ma tah fastidju u ftit li xejn kienu jitkellmu. Tenna li ma kienx jieħu pjaċir biż-żagħżugħ li kien imur u li dan kien jagħmlu għax il-bieb dejjem ikun miftuħ. Saħaq li lil Kyle rah xi jumejn qabel ma seħħ id-delitt.
Finalment tela’ jixhed Victor Vento li jiġu ħu l-mara mejta tal-akkużat li qal li lest li joqgħod bħala terz garanti għal Salvu Mangion għal fini ta’ ħelsien mill-arrest. Mistoqsi mill-qorti jekk jafx x’inhija li joqgħod bħala garanzija għalih, qal li jitlef il-flus. Huwa ġie mwissi wkoll li jekk ma jħallas il-garanzija f’każ li Mangion ma joqgħodx mal-ordnijiet tal-Qorti, jispiċċa l-ħabs.
Il-prosekuzzjoni qalet li r-reat huwa wieħed gravi u għadu kmieni wisq fejn għad baqa’ diversi xhieda biex jagħtu id-depożizzjoni tagħhom u li l-fond tiegħu għadu ssiġġillat. L-Avukat Franco Debono qal li l-akkużat jista’ jmur jgħix ma’ ibnu Jonathan Mangion.
L-Avukat Debono qal fis-sottomissjonijiet tiegħu li huwa ta’ dispjaċir li persuna tilfet ħajjitha. Madankollu l-Qorti semgħet kif is-sitwazzjoni ddeġġenerat u kien hemm xhud li qalet li kienet tiddejjaq toħroġ fil-gallarija tagħhom għax dawk li kienu jmorru għand l-akkużat, setgħu jaħsbu li qed jiġu ssendikati.
Il-fatt li kien ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ xi nisa ma’ kiser l-ebda liġi. Dan huwa bniedem armel u ma kien qed jagħmel xejn ħażin. Qal li x-xhieda kkonfermaw li kienu qed jippersegwitaw mhux biss lil Salvu Mangion, imma anke lill-ġirien.
Huwa semma’ wkoll il-fatt li l-akkużat huwa persuna fraġli fejn saħansitra tah attakk tal-qalb waqt seduta. Dr. Debono qal li dan ma bediex jispara bl-addoċċ. Huwa semma’ apprezzament kif l-uffiċjali investigattivi qed imexxu l-każ, anke fil-każ fejn ma ttieħdet l-ebda azzjoni minn xi individwi mill-Korp tal-Pulizija, li jista’ jkun li naqsu meta dawn allegatament ma’ għamlu xejn meta l-akkużat għamel ir-rapporti dwar fastidju.
Jista’ jkun li kieku dan seħħ u ttieħdet azzjoni kienu lanqas mewt ma għandna u kieku ma Mangion ma kienx jgħaddi minn xhiex għadda. Debono faħħar lill-Pulizija li qed tinvestiga fuq għaliex allegatament ma ttieħditx azzjoni.
Qal li dan il-każ mhemm l-ebda biża, li Mangion jaħrab u ma jattendix għall-proċeduri. L-Avukat difensur qal li l-iktar ħaġa li tinkwetah hija l-istat ta’ saħħa tal-akkużat. Tenna wkoll li ma setax ikun hemm referenzi fuq il-persuna ta’ Salvu, minn dawk li ilhom jafuh u kulħadd faħħar l-atteġġament tiegħu, ta’ kien persuna ok.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-pleġġ li qalet li wara li ħadet inkonsiderazzjoni tal-fedina penali laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Fost il-kundizzjonijiet li għandu l-akkużat huma li jkun ġewwa fl-10pm. u ma joħroġ qabel is-6am. kien maħtur ukoll uffiċjal tal-probation u li għandu jobdi l-istruzzjonijiet tiegħu jew tagħha, li ma jersaqx lejn il-Birgu u li jsir depożitu ta’ 10,000 ewro u garanzija personali ta’ 30,000 ewro, mill-persuna li se tagħmel tajjeb għalih.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Stephen Gulia, Keith Rizzo u Francesca Maria Calleja. L-Avukat Franco Debono u Adreana Zammit qed jidhru għall-akkużat. L-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-familja tal-vittma. Il-każ se jkompli fl-14 ta’ Novembru fl-10am.
//= $special ?>