Lokali Qorti

Jinqabad jisraq mowbajl minn fuq is-CCTV

Raġel ta’ 42 sena ta’ nazzjonalità Ungeriża, Mark Tamas Zalavary, residenti San Pawl il-Baħar, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq mowbajl. Huwa kien akkużat b’serq aggravat u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew impost fuqu f’Lulju tal-2021.

Il-każ seħħ fl-4 ta’ Mejju meta l-vittma rrappurtat li l-mowbajl tagħha, li jiswa bejn €900 u €1,000, insteraq minn kafetterija viċin l-għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Il-Pulizija rrikonoxxew lil Zalavary mill-filmati tas-CCTV peress li hu jiffirma fl-istess għassa fuq każ ieħor bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa ġie arrestat meta mar lura l-għassa.

Zalavary kkopera mal-Pulizija u rritorna l-mowbajl misruq. Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, l-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ngħata sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Qorti ordnat ukoll li jitħallsu €500 mid-depożitu tal-bail tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Neville Galea mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Cheyenne Mangion, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat.