Clint Axisa rrakkonta kif, waqt li kien qed jgħum mal-familja tiegħu fil-Belt, sema’ “karozza għaddejja b’veloċità eċċessiva” li kienet sejra lejn il-Qanpiena tal-Belt. Huwa osserva li ftit wara nġabret kommossjoni ta’ nies qrib it-terminal tal-fast ferry u nnota persuna fl-art li kienet qed tingħata s-CPR.
Axisa spjega li ċempel liċ-Ċentru ta’ Kontroll ta’ Transport Malta u tahom “red code” minħabba l-possibbiltà li kien hemm vittma fatali. Huwa qal li sar jaf ukoll li kien hemm raġel maqbud ġewwa vettura. Meta resaq lejh staqsieh jekk kienx qed iħoss xi ħaġa, u l-persuna qaltlu li kellha saqajha mwaħħlin u talbitu jgħajjat lill-mara tiegħu biex toqrob ħdejh. Aktar tard, it-tobba tal-emerġenza ddikjaraw lil Mildred Azzopardi mejta fuq il-post.
Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fil-konfront ta’ Benjamin Chetcuti, suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, li qed jaffaċċja akkużi ta’ qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Lulju li għadda.
L-inċident seħħ tard il-Ħadd filgħaxija, tas-27 ta’ Lulju li għadda – meta l-karozza Subaru Impreza misjuqa minn Chetcuti ħabtet ma’ Ford Fiesta ipparkjata. Azzopardi kienet fil-viċinanzi tal-karozza u spiċċat maqbuda bejn iż-żewġ vetturi. Hija mietet fuq il-post. Ftit tal-ħin qabel il-vittma kienet qed tistad ma’ żewġha fil-viċinanzi.
Dwar l-imġiba ta’ Chetcuti, Axisa qal li l-akkużat deher iddispjaċut u ansjuż, tant li għal diversi drabi staqsa “kemm qed idumu?” waqt li kien qed iħares lejn l-isforzi biex jissalvaw il-persuna li kienet fl-art. Is-Surġent Jan Saliba, li jaħdem fl-Għassa tal-Belt, xehed ukoll. Huwa qal li meta wasal fuq il-post sab lil Chetcuti fi stat ta’ xokk, u dan iddikjara lill-Pulizija li hu kien is-sewwieq tal-karozza li nvolutu fl-inċident.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mas-Supretendent Nicholas Vella. L-akkużat qed jidher assistit mill-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-familja Azzopardi qed tirrappreżentaha l-avukati Peter Fenech u Luigi Fenech.
//= $special ?>