Lokali

L-MEP Nazzjonalista Peter Agius ressaq proposti biex titjieb is-sitwazzjoni tal-mediċini f’Malta

L-MEP Peter Agius ressaq numru ta’ proposti fil-Parlament Ewropew bil-għan li jindirizzaw il-problema persistenti f’Malta tal-mediċini li jispiċċaw out of stock jew li jkollhom prezzijiet għoljin.

Peter Agius spjega li huma ħafna familji f’Malta jsemmu problemi kontinwi ta’ mediċini bi prezzijiet għoljin jew out of stock. Parti mill-problema ġejja mid-diffikultajiet tal-importaturi u l-Gvern biex jakkwistaw il-mediċini.

Kien propju għalhekk li hu spjega li bħala MEP fuq il-kumitat tas-saħħa ħa azzjoni permezz ta’ emendi li ressaq għal-liġijiet Ewropej.

L-MEP Peter Agius ressaq emendi għal proposti tal-Unjoni Ewropea fuq il-mediċini li qed jiġu negozjati fil-Parlament Ewropew b’enfasi fuq it-titjib tal-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini madwar l-Istati Membri.

Fost l-emendi mressqa minn Peter Agius hemm il-proposta ta’ ‘joint public procurement’ li tippermetti li tlett pajjiżi Ewropej jingħaqdu u jixtru mediċini flimkien bl-għajnuna diretta tal-Kummissjoni Ewropea. Dan mistenni jtejjeb il-prezzijiet għax jinxtraw kwantitajiet akbar.

Agius qed jimbotta wkoll għal sistema ta’ QR code li tidħol fuq il-pakketti ta’ mediċini u li tagħti aċċess għall-informazzjoni kollha b’mod elettroniku bil-Malti u bl-Ingliż. B’dan il-QR code Malta tkun tista’ timporta mediċini mill-Ewropa kollha minflok ma tkun ristretta għall-pajjiżi li jużaw l-Ingliż.

Barra minn hekk, l-MEP Agius qed jipproponi estensjoni ta’ deroga eżistenti biex l-importaturi Maltin ikunu jistgħu jkomplu jixtru mediċini mir-Renju Unit wara l-Brexit. Din il-miżura tiggarantixxi aċċess kontinwu għal mediċini li diġà għandhom tikketti bl-Ingliż, u tevita nuqqasijiet jew dewmien bla bżonn.

“Dawn il-proposti għandhom l-għan li jassiguraw li l-familji Maltin ikollhom aċċess sigur u affordabbli għall-mediċini li għandhom bżonn,” tenna Agius. “Għandna nużaw is-saħħa kollettiva tal-Ewropa biex negħlbu l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri żgħar bħalma hi Malta.”