Lokali

“Lill-imġarrab irridu nisimgħuh” – PN

Lill-imġarrab irridu nisimgħuh. Il-politiċi jridu jġibu l-bniedem qabel il-vot. Id-dinjità trid titpoġġa qabel id-duttrina politika.

Waqt konferenza tal-aħbarijet, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni Ivan Bartolo flimkien ma’ Marie Denise Ellul Sullivan u l-koordinatur tal-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista George Vital Zammit nidew il-pubblikazzjoni ’Il Quddiem b’Dinjità.

Din hija antoloġija ta’ esperjenzi ta’ persuni vulnerabbli li nġabru tul sentejn ta’ ħidma fuq inizjattiva tad-Deputat tal-PN Ivan Bartolo u bl-għajnuna ta’ Marie Denise Ellul Sullivan u George Cassar, l-edituri tal-pubblikazzjoni, kif ukoll bil-konsulenza editorjali ta’ Lawrence Grech.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Ivan Bartolo qal li nkunu qed niżbaljaw bħala soċjetà meta npoġġu l-fokus tagħna fuq il-problema minflok fuq il-bniedem. Meta nagħmlu hekk inkunu qed innaqqsu ċ-ċans ta’ dik il-persuna li tintegra ruħha fis-soċjetà, u nnaqqsulha l-abbiltà li tkun persuna indipendenti.

Marie Denise Ellul Sullivan qalet li din l-antoloġijia tirrakommanda approċ ta’ kontinwità fejn is-servizzi varji jikkomunikaw aħjar ma’ xulxin. B’dan il-mod inkunu qed inħarsu lejn il-bniedem b’mod aktar olistiku u mhux b’mod frammentat. Hija qalet li l-akbar faqar li jeżisti hu meta nippuntaw subgħajna u niġġudikaw meta ħafna drabi ma nkunux nafu r-realtajiet tal-persuna.

Hija qalet li r-rwol tal-edituri u l-koordinaturi ta’ dan il-ktieb kien li jwasslu messaġġ. Issa jonqos biss ir-rieda politika biex dak li qed jipproponi dan il-ktieb jitqiegħed fil-prattika għall-ġid tal-bniedem.

Il-konsulent politiku ta’ dan il-ktieb u koordinatur tal-Programm Elettorali tal-PN George Vital Zammit qal li din il-ġabra ta’ ħidma ta’ esperti hi blueprint għall-politika sojċali u li hi manifest jew viżjoni għal kif għandna nħarsu lejn il-bniedem.

Huwa qal li filwaqt li s-suċċess finanzjarju ta’ soċjetà huwa importanti, din tkun qed tfalli jekk tkun qed teskludi lil xi ħadd jew ma tħarisx is-saħħa mentali u fiżika ta’ kull persuna.

Hu faħħar l-inizjattiva ta’ Ivan Bartolo li wera kuraġġ kbir biex qasam dan ix-xogħol mal-pubbliku u ħeġġeġ lil min hu elett biex hu wkoll ikun kuraġġuż biex dak li qed jipproponi dan il-ktieb ma jibqax biss linka fuq il-karta imma jinbidel f’ħidma tanġibbli għall-benesseri tas-soċjetà kollha.

Bħala kontinwazzjoni għal din it-tnedija, għada fil-Parlament se tittella’ Konferenza Nazzjonali fejn għadd ta’ kelliema minn oqsma differenti se jindirizzaw id-diversi sfidi fil-qasam soċjali.

Fost dawk li se jindirizzaw din il-konferenza hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Din il-konferenza se tixxandar live fuq Parliament TV u fuq il-paġna tal-Facebook tal-Partit Nazzjonalista u tibda fid-9:30am.