Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, immultat lil Harold Falzon ta’ 51 sena, residenti Ħaż-Żabbar is-somma ta’ €1,000 wara li sabitu ħati ta’ reati ta’ theddid u ġrieħi ħfief fuq infermier. Huwa nstab ħati li wettaq dawn ir-reati fl-1 ta’ Frar 2024, bejn id-8.45pm u d-9:30pm., waqt li kien fl-Isptar Mater Dei.
Ix-xhieda ppreżentata mill-prosekuzzjoni kienet tinkludi lill-infermiera Neil Kamel El Din, li ra lil Falzon. li jaħdem bħala “nursing aid” jiġġieled ma’ persuna oħra u jagħtih daqqa ta’ ponn li wasslet biex il-vittma waqa’ mal-art, u Falzon tela’ fuqu u kompla jtih, anke b’tentattivi ta’ li pprova jifgaw.
Xhud ieħor, Amira Azawan Atwair, li kienet preżenti fis-sala, ikkonfermat li rat lil Falzon jaqa’ fuq il-vittma u żammu mal-art sakemm ġew isseparati. Ix-xhieda ta’ Ryan Psaila kkonfermat li Falzon attakkah b’daqqiet ta’ ponn u qabdu minn għonqu, tant li spiċċa mingħajr nifs għal xi ħin u kellu jiddefendi lilu nnifsu.
Min-naħa tiegħu, Falzon xehed li ma kienx hu li beda l-ġlieda iżda li l-kwistjoni kienet dwar ikel ordnat mid-delivery u li l-vittma qallu kliem offensiv, iżda din il-verżjoni ma nstabitx kredibbli quddiem ix-xhieda konsistenti tal-prosekuzzjoni u l-vittma.
Il-Qorti osservat li l-verżjoni ta’ Falzon kienet kontradetta minn diversi xhieda indipendenti u rrikonoxxiet li kien hu li ħebb l-ewwel u kkawża ġrieħi ħfief lir-raġel l-ieħor. Kien ukoll ċar li l-inċident seħħ waqt ix-xogħol tagħhom bħala ħaddiema tal-isptar u li l-aggressjoni kienet bla ġustifikazzjoni.
Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Harold Falzon ħati tar-reati ta’ theddid u ġrieħi ħfief. Huwa ġie mmultat €1,000 u, fuq talba tal-prosekuzzjoni, ġiet imposta ordni ta’ trażżin favur il-vittma sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tiegħu.
//= $special ?>