Lokali

OPINJONI: F’ħajja mgħaġġla, ħadd m’għandu ħin għal ħadd

Se nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja li qed jgħixu xi wħud
Matul dawn l-aħħar sentejn, organizzajna ruħna sew, fejn saru laqgħat ma’ bnedmin li għaddejjin minn sfidi soċjali u flimkien ma’ professjonisti ddiskutejna t-triq ’il quddiem

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali
u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra
l-Faqar u s-Solitudni

Illum se tiġi organizzata ‘press conference’ fil-Parlament ta’ Malta, introduzzjoni għal dak li se jseħħ matul dawn il-jumejn li ġejjin. Wara din it-tnedija li ġġib l-isem ta’ ’Il Quddiem b’Dinjità hemm numru kbir ta’ ħassieba, politiċi, li flimkien ma’ tim sħiħ, fejn għal sentejn sħaħ bnejna viżjoni fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn min hu b’saħħtu u min hu inqas b’saħħtu, bejn min għandu l-ġid u bejn min jinsab f’xifer il-faqar, bejn l-ixxurtjat u dak żvantaġġjat.
Matul il-‘press conference’ se jiġi spjegat kif matul dawn l-aħħar sentejn, organizzajna ruħna sew, fejn saru laqgħat ma’ bnedmin li għaddejjin minn sfidi soċjali u flimkien ma’ professjonisti ddiskutejna t-triq ’il quddiem. Fl-antoloġija nsibu 35 kapitlu, miktuba minn professjonisti u esperti fis-suġġett, li l-ħolma tal-ġid komuni jridu jagħmluha kelma.
Nispjegaw waqt il-konferenza kif matul dawn is-sentejn iltqajna ma’ diversi sfidi soċjali, fosthom ma’ student promettenti, imma biex jgħin lil familja, (u ma jibqax ta’ piż finanzjarju ma kompliex bl-istudji tiegħu, u għażel li jħalli l-istudji u jimraħ fid-dinja tax-xogħol. Iltqajna wkoll ma’ bosta żgħażagħ li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom, bla ma jafu minfejn se jibdew.
Se nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja li qed jgħixu xi wħud. Biex ‘forsi’ jibqgħu għaddejjin u jlaħħqu mal-ħajja jridu jabbandunaw lill-familja u jaħdmu minn tlugħ ix-xemx sa nżulha.
Nitkellmu wkoll dwar bosta bnedmin li jħossuhom weħidhom, dwar bnedmin li għaddejjin minn konfużjoni sħiħa, ma’ bnedmin li jixtiequ jitkellmu, imma donnu ħadd m’ għandu ħin għal ħadd. Mhux biss. Imma jekk tagħżel li trid titkellem ma’ persuna professjonali, għal siegħa waħda biss, (u bl-arloġġ itektek int u titkellem) trid tħallas €65 sakemm tgħaddi s-siegħa bl-arloġġ. Imbagħad jirreferuk għand kollega tagħhom, biex terġa’ toħroġ €65 oħra. Trid tħallas biex xi ħadd jisimgħek. U min se jbati l-aktar? U jekk ma tiflaħx tħallas, trid tistenna sakemm imissek, fuq lista twila ta’ istituzzjonijiet governattivi.
Għal kuntrarju din l-antoloġija ssejjaħ għal Malta Solidali, u tifrex tapit għal min l-aktar waqa’ lura fil-ħajja. Bnedmin li nqabdu f’sitwazzjonijiet imma m’għandhomx fuq min iduru. L-agħar sensazzjoni li bniedem jista’ jgħaddi minnha. U din is-sitwazzjoni ma ddurx biss fuq l-abbandunat, fuq min iħossu waħdu, fuq dak li jixtieq jaħrab minn din id-dinja.
Hemm oħrajn li kontinwament jokorbu b’diversi modi. Donnu l-ambjent tossiku u ta’ dieqa ma jistgħux jaħarbuh. Ħloqna ħabs fil-beraħ, fuq il-mezzi soċjali, saħansitra fi gruppi u komunitajiet li l-iskop tagħhom huwa l-komunjoni. Tlifna s-sens ta’ komunjoni, tlifna s-sens ta’ familja.
Illum bosta jmutu weħidhom. Anki jekk ġar tiegħek, tisma’ li miet xahrejn wara. Sakemm ma żżurx iċ-ċimiterju u tara ritratt tiegħu jew tagħha. Iltqajna wkoll ma’ tfal weħidhom, b’iljieli fiċ-‘child care centres’, bla ma tagħti tort lill-ġenituri, biex ilaħħqu mal-‘commitments’.
Dawn huma stejjer reali li flimkien ma’ stejjer oħra li indirizzajna f’din l-antoloġija li sejrin nippreżentaw għada fil-Parlament Malti, u l-Ġimgħa li ġej f’Alfa Gardens Ħ’Attard. Min hu interessat li jattendi għal jista’ jkellimna fuq 77480241.
Fil-fatt għada fid-9:00am fil-Parlament Malti sejrin nippreżentaw konferenza dwar din l-antoloġija. Numru ta’ tlettax il-professjonist minn 35 li ħadu sehem f’dan il-proġett se jwasslu l-ħsibijiet tagħhom fi ftit minuti. Jagħlqu din il-konferenza l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru u l-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Nieħdu l-opportunità nirringrazzjaw lil dawk kollha li ħadu sehem biex dan il-proġett jirnexxi, għall-ġid ta’ Malta u l-Maltin u l-Għawdxin kollha. Fost oħrajn ringrazzjamenti speċjali lill-Konsulent Politiku Dr George Vital Zammit, lill-Konsulent Editorjali Laurence Grech, lill-Konsulent Akkademiku Profs. George Cassar, lill-Kordinatur tal-proġett Lino Attard Fava u fuq kollox lill-Editur Marie Denise Ellul Sullivan li flimkien ma’ oħrajn ħloqna politika soċjali ffukata, fejn l-aspirazzjonijiet tagħna nixtiequ nagħmluhom realtà.
Magħhom kif diġà semmejt hemm oħrajn li għenuna nippreżentaw antoloġija b’Malti jew b’Ingliż tajjeb, li minkejja l-livell akkademiku, xorta tibqa’ riċerka li tista’ tinqara u tinftiehem minn kulħadd.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ Ottubru, 2025.