Opinjoni

OPINJONI: Inkomplu naħdmu biex l-anzjani tagħna jgħixu b’dinjità, indipendenza u inklużjoni

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar il-Jum Dinji għall-Anzjani

Joe Zahra
Presidet Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN)

Paula Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għall-Anzjanità Attiva
u Assistent Whip

Fil-1 ta’ Ottubru pajjiżna jingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex ifakkar il-Jum Dinji tal-Anzjani. Jum li, ta’ kull sena, ifakkarna fil-kontribut li l-anzjani jagħtu lis-soċjetà permezz tal-enerġija, id-dedikazzjoni u t-tama li jġibu fid-dinja.
F’pajjiżna l-anzjani jagħmlu parti dejjem akbar mill-popolazzjoni u jikkontribwixxu anki b’impjiegi ‘full-time’ u ‘part-time’, xogħol volontarju kif ukoll ħidma fil-familji. Iżda l-anzjani għandhom ukoll sfidi. Sfidi marbutin mal-anzjanità. Sfidi ta’ saħħa, appoġġ, finanzi, abbuż u solitudni, li qed jiżdiedu aktar ma tiżdied l-età medja ta’ kemm qed jgħixu n-nies.
Dan jitlob li jkun hemm servizzi għall-kura fit-tul u appoġġ għal dawk li qed jiġu abbużati u dawk li mhumiex kapaċi jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. Servizzi li fl-imgħoddi ddaħlu minn Gvernijiet Nazzjonalisti iżda li nafu li mhux biżżejjed għaż-żminijiet tal-lum. Għandna bżonn qafas ta’ liġijiet li jipproteġu lill-anzjani u persuni vulnerabbli minn kull tip ta’ abbuż.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-anzjani jixirqilhom jgħixu aħjar. Jixirqilhom ikollhom kura aħjar, postijiet aħjar fejn jgħixu, mezzi biex ikollhom kumpanija, sew matul il-jum kif ukoll f’night shelters filgħaxija.
Jemmen ukoll li fil-kriżi demografika li qed taffettwa lid-dinja l-anzjani għadhom jistgħu jagħtu sehemhom.
Studju riċenti sab li ħaddiema anzjani u akbar fl-età qed isiru iktar produttivi u għandhom abbilitajiet konjittivi tajbin. Filfatt, dan l-istudju ta’ The Economist wera li bħala medja persuna ta’ 70 sena fl-2022 kellha l-istess abbilitajiet mentali li jippermettu li individwu jipproċessa informazzjoni u jwieżen b’mod effettiv daqs persuna ta’ 53 sena fis-sena 2000.
Għaldqstant, huwa fl-interess ta’ kulħadd li nkomplu nħeġġu lil dawk l-anzjani li jifilħu u jixtiequ jibqgħu jaħdmu biex jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħom lis-soċjetà, anki fil-qasam tal-volontarjat.
Il-Partit Nazzjonalista, fil-Gvern ħoloq u tejjeb is-servizzi li jingħataw lill-anzjani, fosthom bil-bini tad-djar tal-anzjani u kompla jżid il-pensjonijiet, fosthom biż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, tejjeb il-livell tal-għajxien tal-anzjani billi daħħal il-kunċett li anzjan jista’ jibqa’ jaħdem mingħajr ma jitlef xejn mill-pensjoni.
Gvern ġdid Nazzjonalista, immexxi minn Alex Borg, jara li jkompli jibni fuq it-tajjeb li wettaq tul is-snin biex, minbarra li joħroġ il-31,000 anzjan li hemm fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali mis-sitwazzjoni li jinsabu fiha, jiggarantilhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Fil-jum dedikat għalihom, il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-anzjani għal dak kollu li wettqu biex pajjiżna huwa dak li hu llum, filwaqt li jwiegħedhom li jkompli jaħdem biex ikunu jistgħu jgħixu l-anzjanità tagħhom b’dinjità u indipendenza, filwaqt li jħossuhom parti mill-komunità tagħhom.

Dan il-messaġġ deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ Ottubru, 2025.