Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Is-sistema edukattiva Maltija trid tevolvi jekk trid tlaħħaq mad-domanda tal-futur
Is-sistema edukattiva ta’ Malta ilha sa minn dejjem bażata kompletament fuq kurrikulum riġidu u ristrett, li jikkumplimenta t-tagħlim għall-eżamijiet li mbagħad iwassal għall-edukazzjoni terzjarja. Għalkemm dan l-approċċ offra stabbiltà (u suċċess) fil-passat, mhux aktar adegwat għas-soċjetà tal-lum li hija karatterizzata minn bidliet kulturali, bidliet fid-dinja tal-impjiegi u l-bidliet emerġenti fit-teknoloġija.
Malta għalhekk, għandha tibda tħares dejjem aktar lejn sistema edukattiva li tinkludi aktar flessibbiltà fis-sillabi, aktar fokus fuq ħiliet varjati, u aktar inkorporazzjoni ta’ żviluppi kulturali jekk għandha tibqa’ rilevanti.
Mela, f’kultura fejn il-ħiliet li t-tfal u ż-żgħażagħ iridu jitgħallmu jaddattaw għall-bidliet kulturali huma importanti immens, ir-riforma li jmiss fl-edukazzjoni għandha tiffoka fuq kif se ngħaddulhom l-għarfien, il-ħiliet u l-valuri aktar milli nwarrbu kompletament is-sistema tradizzjonali.
Is-sistema Maltija għadha dominata bil-mentalità ta’ kemm it-tfal tagħna se jiksbu ċertifikati u ‘degrees’. Is-suċċess baqa’ dejjem attribwit għal kemm-il kwalifika jġibu aktar milli skont l-abbiltajiet li japplikaw l-għarfien b’mod prattiku, kreattiv u etiku. Kien għalhekk diżappuntanti li diversi 6th forms injoraw kompletament is-sistema tal-SBAs bħala parti mill-marka finali tal-eżamijiet tal-O Levels (introdotta f’dawn l-aħħar snin), u b’hekk naqqsu mill-valur tat-tagħlim u l-assessjar kontinwu fis-snin tas-sekondarja.
Madankollu, fid-dinja tal-lum, il-kumpaniji li jimpjegaw qegħdin jgħidulna dejjem aktar li ma jfittxux biss il-kwalifika, imma wkoll il-ħiliet b’kif l-istess kwalifiki jistgħu jkunu applikati fil-prattika.
Dan jista’ biss iseħħ jekk Malta taddotta bidla radikali fil-politika edukattiva tagħha: tipprijoritizza l-ħiliet akkwistati aktar mill-eżamijiet tradizzjonali; tuża aktar pjattaformi diġitali biex issaħħaħ il-kompetenzi tal-istudenti; televa r-rotot vokazzjonali u ta’ snajja’ biex dawn tal-aħħar ikunu valutati daqs l-akkademja; tippromwovi aktar it-tagħlim tul il-ħajja biex tassigura li l-adulti jkomplu jitgħallmu u jitħarrġu waqt li jingħataw rikonoxximent għal kwalifiki passati flimkien mal-esperjenzi tagħhom.
L-edukazzjoni, mela, ma għandhiex tibqa’ tidher biss bħala vjaġġ li jibda u jintemm, imma proċess kontinwu li jaddatta matul u skont iż-żminijiet. Malta trid taddotta n-nozzjoni li t-tagħlim fil-forom kollha tiegħu, ma għandu u ma jista’ jieqaf qatt, u għal ħadd.
Assi importanti
Wieħed mill-aktar assi importanti ta’ pajjiżna hija r-rikezza tal-lingwa tagħna. Il-Malti flimkien mal-Ingliż huma t-tnejn lingwi uffiċjali, kumplimentati ma’ familjarità ta’ lingwi Ewropej oħrajn li llum qegħdin jitilfu mill-preġju fl-iskejjel lokali.
Minkejja dan, il-lingwi donnhom klassifikati speċifikament: l-Ingliż bħala għodda għall-impjieg, il-Malti bħala lingwa mgħobbija b’letteratura li trid tiġi memorizzata bl-amment. Dan qiegħed inaqqas mill-mertu tal-valur profond tal-lingwi nfushom. Irridu nifhmu li l-lingwa mhix biss mezz ta’ kommunikazzjoni, imma hija intrinsikament parti mill-kultura, mill-identità u mill-kreattività artistika.
Il-lingwa tagħna, mela, tikxef l-istorja unika ta’ pajjiżna bl-għeruq semitiċi imma wkoll bl-influwenzi romanzi u anglosassoni. Għalhekk, il-lingwa tagħna fil-qafas tal-edukazzjoni, ma għandha qatt tkun relegata għal użu minimu għax jaf inkella taljena lit-tfal u liż-żgħażagħ Maltin milli jifhmu l-wirt li ġġib magħha.
Il-politika edukattiva għandha għalhekk: tirriforma l-użu tal-Malti bħala riżorsa kulturali ħajja, tintegrah fl-espressjoni kreattiva, fl-istejjer u fil-midja diġitali; tippromwovi l-multilingwiżmu bħala vantaġġ ekonomiku, tiżgura li l-istudenti jkunu jistgħu jinnavigaw mhux biss f’industriji mmexxija bl-Ingliż iżda wkoll fis-swieq Mediterranji u Ewropej; u tħeġġeġ il-litteriżmu interkulturali, biex tipprepara lill-istudenti joperaw f’kuntesti globali mingħajr ma jitilfu l-identità lokali tagħhom.
Fl-era tal-AI
F’era fejn l-AI tista’ tittraduċi testi minn lingwa għal oħra immedjatament, ir-rwol tal-lingwi mħaddma jsir saħansitra aktar kruċjali, mhux għall-komunikazzjoni biss, imma għall-preservazzjoni tad-distinzjonijiet kulturali li jġibu magħhom il-lingwi, tal-kreattività u tas-sens ta’ identità. It-teknoloġija tal-AI qiegħda tnaqqas dejjem aktar l-istil ta’ tagħlim tradizzjonali.
L-istudenti m’għandhomx aktar il-bżonn li jiddependu biss fuq l-għalliema jew il-kotba biex jiksbu informazzjoni; l-AI tista’ tikkrea konverżazzjonijiet ma’ figuri storiċi, tispjega kunċetti xjentifiċi, jew tiġġenera ‘essays’ f’sekondi. Din l-għażla vasta ta’ għarfien tfisser li l-edukazzjoni ma tistax tibqa’ ffukata fuq il-memorizzazzjoni. Minflok, trid tiffoka fuq il-ħsieb kritiku, u l-kreattività.
Għal Malta, l-AI toffri wkoll opportunitajiet immensi. Tista’ tgħin biex il-lingwa Maltija tinżamm ħajja u tiġi rivitalizzata, billi tagħmilha aktar aċċessibbli permezz ta’ arkivji diġitali, rikonoxximent tal-vuċi, u għodod ta’ tagħlim.
Fl-istess ħin, il-politika edukattiva trid tipprepara lill-istudenti biex jistaqsu, janalizzaw u jikkritikaw dak li tipproduċi l-AI, biex jevitaw konsum passiv. Dan jitlob kurriklu li jibbilanċja l-influwenza teknoloġika mar-riċerka umana. L-istudenti għandhom ikunu kapaċi jużaw l-għodod tal-AI b’mod effettiv filwaqt li jibqgħu jagħrfu kif jitħaddmu l-ħiliet tradizzjonali.
Fl-aħħar nett, l-edukazzjoni f’Malta trid tirrifletti l-pożizzjoni ġeopolitika unika tagħha. Bħala gżira żgħira fil-qalba tal-Mediterran, Malta hija kemm Ewropea kif ukoll globali, imfassla minn sekli ta’ skambju. Is-sistema edukattiva tagħna għandha tirrifletti din l-opportunità.
Għaldaqstant, il-politika f’dan ir-rigward għandha tinkludi: kollaborazzjoni reġjonali, li toħloq netwerks edukattivi Mediterranji li jgħaqqdu lill-istudenti Maltin ma’ sħabhom fl-Ewropa t’Isfel, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, u tagħmilha obbligatorja għal kull student li jmur fi skambju edukattiv mill-inqas darba matul l-edukazzjoni obbligatorja; ‘campuses’ diġitali, li jippermettu lil Malta tesporta l-esperjenza tagħha bħala pajjiż bilingwi u multikulturali; u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza globali, biex l-istudenti jaraw lilhom infushom bħala parti minn futur uman kondiviż.
Mela, jekk Malta tagħraf verament il-konnettività globali mal-identità kulturali soda, Malta tista’ tipprepara lill-istudenti biex jirnexxu f’dinja fejn il-fruntieri globali qed isiru dejjem aktar trasparenti.
Ir-riforma ċentrali li teħtieġ Malta hija bidla li tħalli warajha s-sillabi riġidi. Dawn qegħdin jillimitaw lill-istudenti u lill-għalliema f’sistema ta’ konformità tradizzjonali u jħallu ftit lok għall-kreattività, il-kollaborazzjoni jew il-ħsieb interdixxiplinarju.
Minflok, Malta għandha tadotta qafas flessibbli li jiddefinixxi għanijiet wiesgħa ta’ tagħlim filwaqt li jħalli spazju għall-innovazzjoni. Is-sistemi ta’ assessjar għandhom ukoll jinbidlu jew jitjiebu. Minflok ma jippremjaw il-memorizzazzjoni, għandhom jimbuttaw ’il quddiem il-ħiliet tal-problem-solving, tal-kreattività lingwistika u tal-abbiltà li l-għarfien akkademiku jkun applikat f’sitwazzjonijiet reali.
L-għalliema għandhom jiġu mħarrġa mhux biss biex iwasslu l-kontenut, iżda jiġu mħeġġa jaġixxu bħala gwida li jiggwidaw lill-istudenti jesploraw id-dinja l-moderna. Jekk kollox jibqa’ kif inhu f’inkwantu ta’ sillabi, l-għalliema se jibqgħu marbutin bil-kontenut fiss.
Is-sistema edukattiva Maltija trid tevolvi jekk trid tlaħħaq mad-domanda tal-futur. It-tibdil fil-klima, l-iżvilupp teknoloġiku u l-globalizzazzjoni qegħdin jiffurmaw il-ħajja taż-żgħażagħ, iżda hekk ukoll se jagħmlu l-identità kulturali tagħhom, il-lingwi tagħhom, u l-kapaċità tagħhom li jaddattaw għal impjiegi li sal-lum għadhom ma nħolqux. L-edukazzjoni m’għandhiex tibqa’ marbuta mal-kriterji passati.
Sfortunatament, il-viżjoni tal-Gvern mhix imħejjija għall-futur, imma mwaħħla sew mal-passat irrispettivament l-istrateġiji kollha li nktibu u li ma jafx kif se jimplimenta. Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jwelled l-edukazzjoni mill-ġdid u jimplimenta t-tibdil li jeħtieġu wliedna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>