Opinjoni

OPINJONI: L-APAN tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani

minn Joe Zahra

Nhar l-Erbgħa 1 ta’ Ottubru, l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) ingħaqdet mal-bqija tad-dinja biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani.
Din is-sena, flok jum wieħed dedikat għal din l-okkażżjoni, l-APAN iddeċidiet li torganizza erbat ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet li bdew fl-1 ta’ Ottubru b’laqgħa pubblika fid-Dar Ċentrali fejn it-Tabib Josie Muscat kellimna dwar l-ewtanasja.
Il-Ġimgħa kellna laqgħa ta’ informazzjoni fil-Mellieħa. Iċ-ċelebrazzjonijiet intemmu s-Sibt 4 ta’ Ottubru bir-‘rally’ li norganizzaw kull sena fejn indirizzana għall-ewwel darba l-Kap il-ġdid tal-PN Alex Borg. Il-programm ta’ din is-sena wieħed li jilħaq kemm jista’ jkun pensjonanti u anzjani, u ħadna f’diversi lokalitajiet tal-pajjiż.
In-numru ta’ anzjani f’pajjiżna qed jiżdied kuljum, anki għall-fatt li l-Maltin u l-Għawdxin huma fost l-iktar li jgħixu fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Iż-żieda fl-età titlob għajnuna ta’ kull xorta: għajnuniet mediċi, aktar postijiet fi djar tal-anzjani, appartamenti żgħar fil-bliet u l-irħula fejn l-anzjani jibqgħu jgħixu fiċ-ċentru tal-komunità, aktar servizzi ta’ għajnuna għal dawk li jibqgħu jgħixu fi djarhom, servizzi bankarji dedikati għall-anzjani, aktar ‘day and night shelters’, pensjonijiet ogħla biex jagħmlu tajjeb għall-għoli tal-ħajja.
Dawn l-għajnuniet mhux qed jingħataw kif meħtieġ. Hemm qrib l-2,000 persuna jistennew post f’dar tal-anzjani. Is-servizzi li jingħataw lill-anzjani mill-banek, servizzi ‘one size fits all’ qed jagħmlu l-ħajja tal-anzjani diffiċli u qed iwasslu biex ħafna jiġu sfruttati u misruqa. Is-servizzi li qed jingħataw l-anzjani fl-isptarijiet f’ħafna każi qed ikunu tat-tieni klassi.
Ħafna anzjani llum mhumiex komdi biż-żidiet li qed jingħataw. Kieku m’hawnx 31,000 ta’ 65 sena u iktar fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Ċifra li 2013 kienet 14,000!
Aħna bħala APAN diġà għamilna l-proposti tagħna biex nikkumbattu dawn in-nuqqasijiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-anzjani. Proposti li nemmnu li se jkunu inklużi fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
It-tema li għażlet l-Organizazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jum Internazzjonali tal-Anzjani għal din is-sena kienet Persuni Anzjani jsuqu Azzjoni Lokali u Globali: L-aspirazzjonijiet tagħna, il-Benesseri tagħna u d-Drittijiet tagħna. Din it-tema tfakkarna b’mod qawwi li persuni anzjani mhumiex biss benefiċċarji ta’ appoġġ iżda wkoll ‘drivers’ tal-progress li jaqsmu għerf, esperjenza u reżiljenza għall-benefiċċji tal-ġenerazzjonijiet kollha.
Lill-anzjani ngħidulhom… tħallux min ibellgħalkom li intom piż fuq is-soċjetà. Għall-kuntrarju l-anzjani huma riżorsa. Dan ma ngħiduhx biss aħna iżda wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali. Dak li qed ningħataw illum f’pensjonijiet ħallasna għalih matul iż-żmien kollu li konna naħdmu. Ħallasna għalih meta bil-ħidma tagħna konna qed nibdlu wiċċ pajjiżna.
Aħna nemmnu li Jum l-Anzjani għandu jiġi ċelebrat kuljum. Għaliex l-anzjani għandna niftakru fihom mhux darba fis-sena iżda kuljum. Speċjalment dawk li jgħixu weħidhom, fis-solitudnu. Dawn għandna nieħdu ħsiebhom billi nżuruhom u niltaqgħu magħhom għaliex b’hekk biss nagħmlulhom ħajjithom aħjar.
F’isem l-APAN nawgura lill-anzjani kollha ħajja aħjar tul is-sena kollha. Nawgura l-isbaħ jum lill-anzjani u l-pensjonanti kollha.
(Kummentarju minn Joe Zahra, President tal-APAN, fil-programm mill-Anzjani għall-Anzjani mxandar fuq Net FM it-Tnejn 29 ta’ Settembru)

Il-PN tarka għall-anzjani

F’‘rally’ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista indirizza lil dawk preżenti l-Kap tal-PN Alex Borg li tenna li l-anzjani qed jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi u li l-PN irid ikun ta’ tarka għalihom. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel għadd ta’ proposti rigward il-pensjonijiet, is-saħħa u l-ambjent. Saħaq li se jkun spalla ma’ spalla mal-anzjani biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar u hekk ipattu għall-ħidma li għamlu matul ħajjithom.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Periċi Calascione rringrazzja lil-APAN u lill-anzjani preżenti għal dak kollu li jagħmlu għall-partit u lil hinn mill-partit. Hu sostna li l-anzjani qed jagħti tifsira ħajja u mimlija enerġija tal-kelma ‘attiva’ marbuta mal-kelma ‘anzjani’. Li l-APAN jagħtu eżempju lill-fergħat kollha. Tenna li l-PN għandu obbligu ċar biex jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-APAN. Semma wkoll li fil-proposti tal-PN għall-elezzjoni ġenerali l-APAN qed jaħdmu fuq għadd ta’ proposti għall-anzjani.
Is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello sostna li l-APAN huma parti intrinsika tal-partit. Hekk kif huma jirrappreżentaw lin-nies. Semma li l-anzjani għandhom l-esperjenza fil-ħajja u li huma jħarsu lejn il-ħajja bl-esperjenza tagħhom. Hu rringrazzja lill-anzjani għall-ħidma tagħhom u ħeġġeġ aktar anzjani biex jgħinu lill-partit.
Ir-rally beda b’quddiesa. Wara kien intervistat il-President tal-APAN Joe Zahra minn Remigio Bartolo. Hu wieġeb mistoqsijiet dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw wiċċhom magħhom l-anzjani u dwar soluzzjonijiet li qed jirrikkomanda l-APAN, dwar in-nuqqas ta’ twelidijiet u b’popolazzjoni indiġena li qed tonqos kif l-anzjani jistgħu jimlew dan il-vojt. U dwar il-fatt li l-anzjani mhux talli mhumiex piż fuq is-soċjetà iżda riżorsa.
Wara kien hemm sessjoni fejn dawk preżenti setgħu jagħmlu mistoqsijiet li għalihom wieġbu x-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici u l-president tal-APAN.
Claudette Buttigieġ allegrat lil dawk preżenti b’kanzunetti popolari. Ir-‘rally’ ġie fi tmiemu b’riċeviment fejn dawk preżenti kellhom l-opportunità jiltaqgħu mal-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista.

Erbat ijiem ta’ attivitajiet

Din is-sena, l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti organizzat erbat ijiem ta’ attivitajiet biex tfakkar il-Jum internazzjonali tal-Anzjani.
L-attivitajiet inkludew taħdita dwar l-ewtanasja mit-Tabib Josie Muscat li wara wieġeb mistoqsijiet mill-udjenza. Saret żjara lill-anzjani f’Casa Felicia f’Ħaż-Żebbuġ fejn uffiċjali mill-APAN tkellmu ma’ anzjani f’din id-Dar u preżentawlhom pjanta kull wieħed jew waħda li tfakkarhom f’din l-okkażjoni.
Saret ukoll żjara lit-Tabib Antoine Mifsud Bonnici f’daru. It-Tabib Mifsud Bonnici hu pijunier tas-servizzi għall-anzjani li ngħataw fi żmien il-Gvern immexxi minn Eddie Fenech Adami.
Uffiċjali tal-APAN kellhom ukoll laqgħa ma’ uffiċjali tal-Caritas fejn ingħataw informazzjoni dwar il-proġett tal-istess Caritas, Ageing Matters. F’din il-laqgħa uffiċjali mill-Caritas u mill-APAN qasmu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom dwar il-problema tas-solitudni li qed jiltaqgħu magħhom l-anzjani u li joħorġu mill-pubblikazzjoni Ageing Matters.
Matul dawn l-erbat ijiem kien hemm ukoll laqgħa ta’ informazzjoni. L-attivitajiet ntemmu s-Sibt 4 ta’ Ottubru b’rally li kien indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ Ottubru, 2025.